Il-karba tal-umanità (Ġw 14:1-12)

Il-karba tal-umanità (Ġw 14:1-12)

Dan id-diskors ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ nhar il-Ħadd li ġej jiġi eżatt wara t-tħabbira taċ-ċaħda ta’ Pietru. Ġesù jgħidilna li sejjer għand il-Missier biex iħejjilna fejn noqogħdu. Indirettament insibu referenza għas-salib u l-glorja li tinkiseb permezz tas-Salib. Dan mhux post ikun fejn ikun, imma fejn persuna tista’ tgħix u allura hemm il-ħajja; post komdu u abitabbli. Aħna prezzjużi għal Alla u Alla jixtieq li l-umanità kollha ssalva.

Interessanti wkoll is-sinċerità li biha jitkellem Ġesù. Ma jogħqodx idur mal-lewża. M’hemmx pretensjonijiet foloz. Ġesù jurina u jgħidilna ċar u tond li l-ħajja tan-nisrani mhijiex faċli, u b’li jgħidilna jisfidana biex nikbru fl-imħabba u fil-qdusija. Quddiem is-salib, kien jaf li dawk qrib tiegħu kienu se jitħawdu, u għalhekk iqawwilna qalba. Ġesù jixtieqna li aħna nemmnu fih bl-istess mod li emmnet fih Marta f’kapitlu 11 qabel il-qawmien mill-imwiet ta’ ħuha Lazzru fejn tistqarru bħala l-Messija l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.

Fih naraw sinerġija perfetta bejn dak li priedtka u dak li għex. Dan jgħinna biex nemmnu fih, u għalhekk nemmnu fil-Kelma tiegħu. Huwa f’dan il-mument li nistgħu nimpenjaw ruħna bis-serjetà biex nimxu warajh u eventwalment naslu f’dan il-post imħejji għalina lkoll. Hu li qiegħed f’unità sħiħa u kompleta mal-Missier, u jixtieq li aħna ukoll inkunu ħaġa waħda miegħu. Fid-diffikultajiet li jitqanqlu fil-qalb u fil-moħħ tad-dixxipli, Ġesù jirrivela lilu nnifsu anke permezz ta’ kunċetti bażiċi li nsibuhom ukoll fir-reliġjon Lhudija: it-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Tliet kunċetti li jkomplu jikkonfermaw dak li ġara fuq il-muntanja Tabor fejn ikomplu juruna kif Ġesù huwa l-milja tal-liġi u tal-profeti. F’din is-silta naraw lil Ġesù jgħid li hu huwa t-triq. Fil-ktieb tad-Dewteronomju (5, 32b-33) naqraw lill-messaġġier t’Alla, Mosè jgħid lill-poplu Lhudi: “La tilwux la lejn ix-xellug u lanqas lejn il-lemin. Imxu fit-triq kollha li ordnalkom il-Mulej, Alla tagħkom, sabiex tgħixu u jkollkom ir-risq, u jkollkom ħajja twila fuq l-art li se tieħdu.” F’Isaija naqraw dwar it-triq li l-Mulej kontinwament juri anke meta l-bniedem jiżbalja. Il-messaġġ li jgħidilna Ġesù huwa ċar: jekk timxi warah, ma tintilifx.

Ġesù jgħid ukoll li hu l-verità. L-għatx għall-verità narawha wkoll fit-tradizzjoni Lhudija: “Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek” (Salm 86:11) u “Tjubitek quddiem għajnejja, imxejt skont is-sewwa tiegħek” (Salm 26:3), per eżempju. Li nagħrfu l-verità tidwi fil-qalb tagħna hi l-karba tal-umanità kollha.

Ġesù hu wkoll il-ħajja. Din tirreferi għall-ħtieġa li l-bniedem jimxi fit-triq t-tajba (vera) li twassal għall-ħajja. Il-ħajja kienet xi ħaġa li anke l-poplu Lhudi kien għatxan għalilha. Fil-ktieb tal-Proverbji naqraw: “Għax l-ordni musbieħ u l-liġi dawl, u t-twiddib tat-tagħlim hu t-triq tal-ħajja” (6:23) u “Min jilqa’ t-tagħlim, hu fi triq il-ħajja, iżda min iwarrab it-twiddib, jitlef it-triq” (10:17).

Tliet kunċetti li jmorru flimkien. Naraw l-għatx għall-għerf, mhux l-għerf fih innifsu bħala intelligenza imma dak l-għerf li jagħti skop u sens lil ħajja. Il-ħajja ma’, bi u fi Kristu, hi l-ħajja tassew nisranija.

Minn dan il-passaġġ, nara kif Tumas u Filippu kienu l-aktar dixxipli sinċiera meta jitolbu għal aktar ċarezza. Filippu jibni fuq id-domanda ta’ Tumas meta jgħidlu: Urina l-Missier. Fihom naraw il-bniedem li qiegħed kontinwament ifittex lil dak li hu ‘l fuq minnu. Ġesù, mill-banda l-oħra jurina li hu u l-Missier huma ħaġa waħda. Il-kliem tiegħu hu l-kliem tal-Missier, l-għemil tiegħu hija l-id t’Alla li qegħda taħdem fil-ħajja tal-bniedem. Allura f’Ġesù nilmħu lil Alla li m’huwiex il-bogħod mill-bniedem imma li qiegħed jgħix fil-ħajja tal-bniedem. F’Ġesù nilmħu l-imħabba t’Alla għax permezz tiegħu nistgħu ngħarfu l-glorja u l-imħabba li Alla għandu għal kull persuna.

____

L-Evanġelju tal-ħames Ħadd tal-Għid (Ġw 14:1-12)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.