Nagħmlu l-ispazju (Mt 28:16-20)

Ir-rakkont tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej hu l-aħħar wieħed mid-dehriet ta’ Kristu Rxoxt, it-tmiem tal-perjodu tad-dehriet. Ħaġa li tikkaratterizza dawn id-dehriet huma kemm isiru b’modestja, b’umiltà u b’sempliċità. F’dawn id-dehriet id-dixxipli setgħu jagħrfuh iżda fl-istess ħin jintebħu wkoll li issa l-mod ta’ kif qed jidher fid-dinja hu differenti għaliex issa l-ġisem tiegħu mhuwiex aktar destinat għall-mewt, il-ġisem tiegħu mhux aktar taħt il-ħakma tal-liġijiet tan-natura.

Fil-fatt, il-preżenza ta’ Ġesù fil-Galilija f’din l-aħħar xena – għal Mattew il-Galilija hi l-post fejn din l-istorja bdiet u fejn seħħ il-ministeru ta’ Ġesù – tfakkarna f’dak kollu li ntqal qabel f’dan l-Evanġelju, bid-differenza li issa l-Iben ta’ Alla kien mislub u mqajjem minn bejn l-imwiet. Dawn id-dehriet naraw li seħħew fuq perjodu ta’ 40 ġurnata u n- numru 40 jissimbolizza tħejjija, stennija kif ukoll preparazzjoni għal xi ħaġa importanti. Permezz tagħhom Kristu qed jurina kif minkejja li issa daħal fil-glorja tal-Missier, hu kien se jibqa’ preżenti u attiv fl-istorja tal-bniedem.

Il-wegħda ta’ Ġesù li jkun magħna sal-aħħar taż-żmien tfakkarna f’dak li nsibu f’Mattew 1, 23, fejn naraw lil Ġesù bħala ‘Immanuel’, Alla magħna. Il-missjoni li jagħti tispiċċa b’kelma li toffri ħafna sigurtà għaliex Alla, f’Ġesù Kristu, sar preżenti mal-poplu tiegħu b’mod speċjali u jibqa’ mal-poplu tiegħu anke wara li jispiċċa l-ministeru tiegħu fuq din l-art.

In-Nisrani jrid jgħix ħajtu f’konformità mas-salib, li tfisser li bħal Ġesù, nitbattlu minna nfusna u ngħixu ħajja ta’ għotja fl-imħabba. Hu importanti, għalhekk, li jkollna l-fidi fis-setgħa ta’ Ġesù li wiegħed lill-Knisja li qatt ma hu se jħalliha waħedha, u li se jsostniha tul il-ħidma missjunarja tagħha, biex l-ispirtu ta’ Alla jippenetra f’kull qasam tal-ħajja u f’kull rokna tad-dinja.

Bħal meta niżirgħu ħafna żerriegħa f’pot pjuttost żgħira, li meta imbagħad jibdew jinbtu joħonqu lil xulxin u ma jkomplux jikbru, hekk ukoll fil-ħajja tagħna hu meħtieġ nagħmlu spazju biex tagħraf tikber xi ħaġa ġdida. Dawn il-ġimgħat li għaddew, nistgħu ngħidu li ġejna ‘sfurzati’ biex nagħmlu dan

l-ispazju f’ħajjitna, imma l-istess jiġri fit-Tlugħ il-Mulej fis-Sema.

Kieku Kristu ma telax is-sema, konna forsi nkunu nistgħu narawh, imma ma konniex nistgħu nirċievu l-preżenza reali tiegħu fl-Ewkaristija. Kristu stess għarafha din ir-realtà meta narawh iserraħ ras l-Appostli meta jgħidilhom li jkun aħjar għalihom li hu jitlaq. Bla dubju ta’ xejn, mhux faċli għalina li f’dan iż-żmien qegħdin niċċaħħdu minn dan ir-rigal hekk kbir li bih ried iberikna Ġesù wara t-Tlugħ fis-Sema tiegħu – il-preżenza reali tiegħu fl-Ewkaristija. Però hekk kif kull realtà ta’ assenza, ta’ spazju u anke ta’ mewt tista’ tberikna b’modi ġodda, jalla nużaw dan iż-żmien biex ninfetħu għal dawn il-barkiet ġodda li bihom il-Mulej jixtieq iberikna f’dan iż-żmien hekk speċjali.

____

L-Evanġelju tas-Solennità ta Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Mt 28:16-20)

“F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.