Għandna silta mill-Evanġelju ta’ Ġwanni li titkellem dwar il-ħobż ħaj li nieżel mis-sema. Dan id-diskors hu taħdita bejn il-Lhud u Ġesù. Fil-verità, l-aktar li jitkellem hu Ġesù; kultant il-Lhud iżerżqulu mistoqsija, u hu jweġibha b’diskors. Pass wara pass, Ġesù jgħallem lil-Lhud dwar l-Ewkaristija. Tajjeb niftakru wkoll li l-Evanġelju ta’ Ġwanni ma fihx rakkont tal-aħħar ċena; it-tagħlim dwar l-Ewkaristija jinsab f’dan id-dibattitu teoloġiku mal-Lhud dwar il-Ħobż tas-Sema.

Ġesu jibda minn ħsieb, li l-Lhud huma familjari miegħu, imbagħad jelabora fuqu biex iwassal dak li jrid iwassal. Il-Lhud ġieli semgħu b’ħobż li ġie mis-sema: il-manna fid-deżert. Imma l-ħobż li qed jitkellem dwaru Ġesù mhuwiex il-manna; il-ħobż ta’ Ġesù jwassal għall-ħajja ta’ dejjem. Meta Ġesu jgħid li hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema, il-verb ‘niżel’ qiegħed fil-passat. Bħalma fil-prologu għandna dwar il-Verb sar bniedem u għammar fostna, Ġesù, il-ħobż tal-ħajja, niżel mis-sema.

Il-ħobż li jiena se nagħti huwa ġismi għall-ħajja ta’ dejjem: ego doso hija fil-futur. Mela mhux il-ħobż li jien nagħti, imma li se nagħti. Ġesù għadu ma tax ġismu; għadu ma waqqafx l-Ewkaristija u għadu ma mietx. Imma qed jipprepara lil-Lhud, u lill-qarrej, għal meta dan iseħħ.

It-tweġiba ta’ Ġesu għall-mistoqsija tal-Lhud tibda hekk: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.” Hawnhekk l-awtur qed juża żewġ verbi differenti li jfissru ‘tiekol’. L-ewwel darba, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem … ma jkollkomx il-ħajja fikom, il-verb ‘tiklux’ huwa l-verb phagein, li jfisser tiekol xi ħaġa. Imbagħad jgħid Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem. Din id-darba il-verb ‘jiekol’ mhux l-istess verb ta’ qabel, phagein, imma trogein, li jfisser tomgħod jew tmaxtar. Jirreferi għall-proċess mekkaniku tal-ikel. Bil-mod il-mod, Ġesù qed ifiehem lil-Lhud li l-ikel li qed jitkellem fuqu mhuwiex biss ikel metaforiku jew spiritwali, imma ikel fiżiku: ikel ta’ veru.

L-Ewkaristija, il-ħobż u l-inbid, huma l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù li Hu kien tkellem dwarhom. U dan l-ikel u xorb iwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Aħna li qed naqraw din il-kelma llum għandna għażla: nistgħu nagħżlu li niltaqgħu ma’ Ġesù fl-Ewkaristija, jew le. Nistgħu nagħżlu li l-Ewkaristija nġibuha teatrin. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Meta nirċievi l-Ewkaristija, se nagħmel għażla li niltaqa’ ma’ Ġesù?

Din il-laqgħa ma’ Ġesù għandha twassal għall-ħajja ta’ dejjem. Ġesù dan jgħidu ċar u tond: Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Il-laqgħa ma’ Ġesù fl-Ewkaristija qegħda twassalni biex naħdem għall-ħajja ta’ dejjem?

____

L-Evanġelju tas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu (Ġw 6:51-58)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”

Comments