“La Tibżgħux” (Mt 10:26-33)

L-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa huwa parti ċkejkna minn diskors sħiħ ta’ Ġesù, li matulu jagħżel lit-Tnax, jibgħathom għall-missjoni tagħhom, u anke jwissihom dwar il-persekuzzjonijiet li kienu ser jiltaqgħu magħhom tul il-vjaġġ. Tajjeb li wieħed jiftakar li l-Evanġelju skont San Mattew inkiteb għal udjenza li kienet Lhudija u li kkonvertiet għall-Kristjaneżmu. F’dak iż-żmien, jiġifieri qrib is-sena 85 w. K., dik il-komunità kienet għaddejja minn żmien diffiċli propju minħabba l-persekuzzjonijiet li kienet qed issofri. Allura, il-kliem ta’ Ġesù, “la tibżgħux,” jagħmel ħafna sens.

Minn banda, b’dan il-kliem, li fit-test huwa indirizzat lejn it-Tnax, qed juri lil dawn l-ewwel Insara Lhud li jifhem id-diffikultajiet li huma għaddejjin minnhom. Jifhem il-biża’ li huma qed iħossu fil-ġewwieni tagħhom. Mhuwiex maqtugħ minn din ir-realtà. Mill-banda l-oħra, bl-istess kliem huwa qiegħed jattakka dik l-istess biża’. Meta qed jgħid lid-dixxipli biex ma jibżgħux qed jgħidilhom li dik il-biża’ m’għandha l-ebda jedd fuqhom, u allura ma tiswa xejn ħdejn il-qawwa tal-Ispirtu li hemm fihom, u li huma rċevew permezz tal-Magħmudija.

Ġesù jenfasizza wkoll l-importanza tar-relazzjoni miegħu: “Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut.” Sabiex wieħed iwettaq dak li jitlob minnu Ġesù huwa għandu jkollu din ir-relazzjoni intima li permezz tagħha Ġesù jista’ letteralment ikellmu fid-dlam u f’widnejh. Imbagħad, la darba jkun sema’, id-dixxiplu verament iwassal dak li jrid l-Imgħallem, u jkollu wkoll il-qawwa biex jagħmel dan.

Tliet punti żgħar għar-riflessjoni:

  • Ġesù jifhem lid-dixxipli fid-diffikultajiet u l-biżgħat tagħhom. Jiena wkoll, waqt li niltaqa’ u naħdem mal-oħrajn, jeħtieġ li nkun sensittiv għal dak li għaddejjin minnu jew li qed iħossu. Ma nistax niffoka biss fuq dak li rrid jien, jew dak li qed nippretendi. Jeħtieġ nitgħallem nitlef minn tiegħi biex nakkwista l-hena vera.
  • Ġesù jenfasizza r-relazzjoni tad-dixxiplu m’Alla. Sa minn meta konna żgħar ingħatajna ċ-ċans li nikbru f’din ir-relazzjoni. Qiegħed nisfrutta kull opportunità li għadha tiġini?
  • Bħad-dixxipli, aħna wkoll għandna l-biża’ tagħna, anke jekk ma nammettux: biża’ li ma nkunx stmat, li nintesa, li mmut, eċċ. Inti minn xiex tibża’ f’ħajtek? Taċċetta li għandek din il-biża’? Ftakar li Ġesù qed jinkoraġġik u li qed jattakka dik l-istess biża’. Dur lejH u għamel kuraġġ!

____

L-Evanġelju tat-Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Mt 10:26-33)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux millbnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.