Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd naraw il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Nikodemu, li tajjeb niftakru li ssir fis-satra tal-lejl, turina x-xewqa f’qalbu għall-verità, iżda wkoll il-biża’ li żżomm lil Nikodemu mistur fid-dalma tal-lejl. Tajjeb niftakru wkoll fis-sejħa li jagħmel Ġesù lil Nikodemu, għat-twelid mill-ġdid fl-Ispirtu

Alla jħobb lid-dinja

Meta qed nitkellmu fuq l-imħabba lejn id-dinja, mhijiex biss imħabba b’mod kollettiv, iżda wkoll b’mod personali, għall kull individwu. Infatti Alla jħobbna lkoll għax iħobb lil kull wieħed minna. Hu jħobbna b’mod personali bħal li kieku ma jeżisti xejn aktar fl-univers ħlief aħna u l-Missier. Alla jħobb lid-dinja billi jħobb lil kull bniedem b’mod personali, tant li ma’ Pawlu nistgħu niddeskrievu lil Alla bħal dak “li ħabbni u ta lilU nnifsU għalija.” Meta Ġwanni qed jgħid Alla ħabb lid-dinja, qed jifhem mhux biss lill-bniedem iżda lill-bniedem midneb, lill-bniedem mgħaqtuh minn Alla. U din twassalna għall-punt ieħor, li minkejja d-distanza li ġieli nżomm minn Alla, din qatt ma twassal lil Alla biex jagħmel l-istess.

“Ta lil Ibnu l-waħdieni”

Alla li huwa mħabba jibgħat lill-Ibnu u jibgħatu biex jgħix mal-bniedem u jaqilgħu mill-ħama tad-dnub, billi jingħata b’mod sħiħ u totali fuq is-salib. Proprju din l-imħabba li Alla għandu għad-dinja li ġġielu b’mod mill-aktar naturali, li jagħti minn dak li Hu u dak li għandU. Kull imħabba vera ssib il-pjaċir li tgħati, inkluż li tiċċaħħad hija stess, minn dak li hu prezzjuż għaliha. Din l-għotja hija l-prova tal-imħabba t’Alla għad-dinja, infatti fis-silta, naraw il-kelma “hekk”, “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni..”. Alla ma tanix mill-ħafna li kellu, iżda l-uniku Iben tiegħU, u din tkompli turi l-imħabba ta’ Alla. Alla ta lill-Ibnu biex jiena u inti nkunu nistgħu naslu sal-ħajja ta’ dejjem, Alla għamel il-parti tiegħu, issa jmiss lilna. Ġieli nisimgħu ideat li Alla jħobb lill-bniedem li kważi din l-imħabba tfisser l-ħajja ta’ dejjem b’mod awtomatiku. Li ninsew hija l-istedina għalina biex nemmnu fl-Iben mgħoti lilna mill-Missier. Li qed naraw f’din is-silta hija proċess: l-ewwel pass ikun Alla li jħobb lid-dinja, it-tieni pass huwa l-għotja tal-Iben il-waħdieni, it-tielet pass huwa l-fidi tagħna f’dan l-Iben, li fl-aħħar twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Biex min jemmen fih

Hawnhekk is-sejħa hija l-fidi li tmiss lill-ħajja tagħna. Is-sejħa li Ġesu’ jagħmel lil Nikodemu u lilna, hija biex il-fidi tagħna ma tkunx biss fidi fil-persuna ta’ Ġesù li eżista storikament, iżda tkun fidi li tbiddel il-mod ta’ kif naħsbu, nitkellmu u naġixxu. Hija fidi li tmissna fil-ġewwieni tal-qalb tagħna. Kummentaturi ta’ din is-silta, jippreżentaw l-immaġini ta’għadira, li tirrapreżenta lil Alla li jħobb id-dinja. Minn din l-għadira toħroġ ix-xmara, li huwa Ġesù li jiġi mgħoti lill-bniedem bħala offerta tas-sagrifiċċju. Issa din ix-xmara tgħaddi minn qalb il-villaġġ, iżda n-nies jeħtieġ li jmiddu jdejhom fix-xmara biex jiġbru l-ilma biex jixorbuh. Jeħtieġ li dawn in-nies jagħmlu xi ħaġa, għax inkella l-ilma jibqa’ għaddej minn ħdejhom iżda ma jaffettwahomx. Din hija l-fidi, l-azzjoni biex l-ilma ma jibqax għaddej minn taħt imneħirna, iżda jħalli effett fina.

Ikollu l-ħajja ta’ dejjem

Min jemmen fiH, ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Dan huwa kliem li forsi jidher ftit ideal, ‘il bogħod mill-ħajja ta’ kuljum, iżda tajjeb li nippreżentaw lilna nfusna u lill-komunitajiet insara dan l-ideal tal-ħajja nisranija. Ħafna drabi fit-tagħlim tagħna ninsew li aħna qegħdin f’mixja ta’ fidi li trid twassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Huwa minnu li qed ngħixu f’soċjetà, ta’ kultura, “għix illum għada ħadd ma rah”, u faċli nittieħdu minnha aħna wkoll. Iżda tajjeb nibdew aħna stess, bħala Knisja, li nkunu sinjal ta’ kontradizzjoni quddiem din il-kultura, u nfittxu li ngħixu din ir-realtà ta’ mixja għall-ħajja eterna f’ħajjitna l-ewwel u wara nippreżentawha lill-komunità nisranija.

____

L-Evanġelju tas-Solennità tat-Trinità Qaddisa (Ġw 3:16-18) 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.

Comments