Is-saċerdot għandu post privileġġjat f’diversi mumenti matul il-ħajja tal-insara. Is-saċerdot issibu jilqa’ trabi bħala nsara ġodda u jakkumpanja l-erwieħ ta’ dawk li ħallewna, fl-idejn siguri tal-Missier. Bħala seminarista matul is-sajf li għadda kont assenjat fl-isptar Mater Dei fejn grupp ta’ patrijiet lejl u nhar joffru akkumpanjament spiritwali lill-pazjenti. Kien t’unur għalija li nisma’ stejjer ta’ kuraġġ minn persuni li minkejja s-sofferenza fiżika jibqgħu jissieltu għall-ħajja u jagħtu xhieda ta’ spirtu ferrieħi.
Fiż-żmien tiegħi ġewwa Mater Dei akkumpanjajna lil agonizzati fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom u sellimna lil ħutna li ħallewna. Il-kliem tagħna mhux biżżejjed sabiex ifarraġ il-qlub f’dawn il-mumenti. Minkejja dan, fil-persuna tas-saċerdot bħala ministru t’Alla l-familjari sabu serħan min-niket tagħhom. Is-saċerdot isir preżenza li taċċerta li Alla jinsab magħhom u joffrilhom il-faraġ tiegħU.