Matul is-sena ta’ formazzjoni jkollna ħafna opportunitajiet illi jirrikjedu ħidma kontinwa. Faċli illi nidħlu f’rutina fejn iż-żmien ma jkunx qiegħed jagħtina l-opportunità biex nieqfu u naħsbu fuq dak li nkunu għaddejin minnu. Għalhekk, l-irtiri huma opportunità biex nirriflettu fuq il-ħidma tagħna u fuq kollox, kif il-formazzjoni qiegħda tagħrbilna. Permezz ta’ lajċi impenjati u qassisin b’kariżmi differenti, l-irtiri huma mezz ta’ kif nisimgħu lil Alla jkellimna fil-qalb tagħna ħalli nagħrfu illi Hu s-sors ta’ kull inizjattiva, impenn u servizz illi jkollna kemm fil-ħajja tal-kommunità kif ukoll tal-parroċċa. Matul l-irtir, inkunu ggwidati biex nagħrfu kif il-Kelma ta’ Alla, fid-dawl tat-tema magħżula, qiegħda tistedinna insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla u b’hekk inkomplu niddixernu s-sejħa tagħna. Hija din ir-relazzjoni li tgħinna napprofondixxu r-realtà tagħna u nħarsu lejn kull sitwazzjoni mhux mil-lenti tagħna imma mil-lenti ta’ Alla illi lest li jmexxina bħalma ngħidu fit-talba tal-Missierna: “ikun li trid Int kif fis-sema hekk hawn fl-art”.