B’qalbek kollha

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (22, 34-40)

F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?” Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Hekk kif “għaref tal-Liġi” jipprova “iġarrab” lil Ġesù, Ġesù jagħti tweġiba li l-poplu Lhudi kien ilu jistenna mijiet ta’ snin. Ġesù jgħarraf lill-poplu li l-akbar kmandament huwa dak li tħobb lil Alla u lill-proxxmu b’totalità. Alla jixtieqna li nkunu tiegħu b’mod sħiħ.

Żmien ta’ taqlib

San Mattew qiegħed jikteb fi żmien meta l-Knisja kienet qed tinqata’ minn dak kollu li kien Lhudi. Dan kien żmien ta’ tensjoni bejn il-poplu ta’ Iżrael u l-Insara. Tajjeb li ninnotaw li San Mattew juża kliem ftit iebes meta jiitkellem dwar il-Fariżej. Qabel din is-silta nsibu l-parabboli li jitkellmu fuq il-poplu ta’ Izrael li ma jaċċettax l-Aħbar t-Tajba ta’ Ġesù u naraw lil Ġesù mistoqsi dwar il-ħlas tat-taxxi u dwar il-qawmien mill-imwiet mis-Saduċej.

Għalhekk irridu nifhmu din is-silta bħala l-climax ta’ serje ta’ kontroversji.

L-Intenzjoni tal-“għaref fil-Liġi”

Fil-bidu tas-silta naqraw li wieħed “għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu.” Il-verb “biex iġarrbu” jintuża ħafna drabi b’referenza għax-xitan. Għalhekk naraw lil dan l-għaref jidħol f’alleanza max-xitan. Tajjeb li nirrifflettu li probabbli dan ir-raġel kien raġel tajjeb iżda l-intenzjoni mhux sinċiera tiegħu twasslu għal din il-mistoqsija.

Il-mistoqsija li għamillu dan ir-raġel tidher sempliċi u kważi kważi leċita u importanti. Tajjeb li niftakru li l-Lhud għandhom mijiet ta’ preċetti oħra apparti l-10 kmandamenti! B’kollox għandhom 613-il kmandament u għalhekk quddiem din il-kwantità kbira ta’ preċetti l-poplu kien sikwit jitħawwad u jistaqsi: “liema wieħed minn dawn kollha hu l-akbar?”

Fit tweġibiet ta’ Ġesù naraw l-għerf straordinarju tiegħu.

Ġesù jikkwota l-ktieb tad-Dewteronomju, silta għażiża ferm għal-Lhud:

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.

Ġesù jenfasizza l-kelma ὅλῃ (holē), jiġifieri “kollha”. Ġesù jgħarrafna li l-għotja jew l-konsagrazzjoni tagħna lil Alla trid tkun totali biex verament inkunu nogħġbuh u nħobbuh. Ġesù jikkwota wkoll mill-ktieb tal-Levitiku u jurina li l-imħabba lejn ħutna l-bnedmin hija essenzjali għall-imħabba ta’ Alla. 

Ġesù jikkonkludi li l-Ligi u l-Profeti jinġabru f’dawn iż-żewġt kmandamenti u għalhekk jekk ngħixu dan l-akbar kmandament inkunu qegħdin insegwu l-kmandamenti l-oħra kollha wkoll.

Is-silta tal-armla fqira li tefgħet dak kollu lil kellha biex tgħix bħala offerta għat-tempju tgħinna nifhmu s-silta tal-lum u l-kmandament l-kbir li jagħtina Ġesù. Fl-episodju tal-armla fqira naraw l-għotja sħiħa u t-totalità tal-imħabba li ġejja mill-qalb. Meta jikkwota l-ewwel kmandament, Ġesù jpoġġi l-qalb fl-ewwel post.

L-aħħar kelma

Nies bravi hawn kemm trid imma l-Knisja ghandna bżonn x-xhieda ta’ nies li qegħdin jgħixu din s-sejħa għall-imħabba ta’ Alla b’fedeltà u b’għotja totali.

Ix xewqa ta’ kull min jixtieq ikun ikkonsagrat lil Alla għanda tkun din l-għotja sħiħa. Mhux faċli li nħobbu lil min jagħmlilna l-ħsara iżda din l-isfida li jagħmlilna Ġesù tibqa’ tagħrafna bħala d-dixxipli tiegħu.  “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġw 13:35)

Talba

Marija, int ħabbejt lil Alla b’qalbek kollha, għinni nagħmel dan jien ukoll.
Marija għajnuna tal-Insara, itlob għalina
.

Din il-ġimgħa saret Lectio Divina għall-komunità minn Patri Martin Micallef OFM Cap. Din ir-riflessjoni hija sinteżi ta’ dak li ntqal u ġiet adattata f’artiklu minn seminarista.