Għall-Ġenna?

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 5:1-12a)

F’dak iż-żmien: Ġesù kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja, u wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu.

U hu fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid: “Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa. Henjin dawk li jħennu, għax huma jisbu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jgħidu kull deni fuqkom bil-gideb minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Fis-Solennità tal-Qaddisin kollha, Ġesù jurina l-karatteristiċi ta’ dawk li se jirtu s-Saltna ta’ Alla.

Fis-silta li l-Knisja tippreżentalna għal dan il-Ħadd naraw lil Ġesù bħala katekista. Ġesù, bħal Mosè, ipoġġi bilqiegħda biex jgħallem. Din hija silta importanti ħafna tant li l-Kardinal Carlo Maria Martini jikteb li ma nistgħux nifirdu dan id-diskors mill-persuna ta’ Ġesù.

Qabel din s-silta nsibu lil Ġesù jħabbar il-wasla tas-Saltna ta’ Alla u jsejjaħ lin-nies għall-indiema, għalhekk tajjeb li nħarsu lejn dan l-Evanġelju bħala diskors indirizzat lil dawk li aċċettaw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla. Don Umberto Neri jisħaq li dan id-diskors mhuwiex indirizzat lill-folla iżda lill-Knisja; lil dawk li diġà għamlu l-għażla tad-dixxipulat. Għalhekk ninnutaw wkoll li Ġesù l-ewwel isejjaħ għall-konverzjoni u wara jippreżenta d-dixxipulat.

Jekk wieħed iħares lejn dan id-diskors mill-għajnejn tal-bniedem dan jaf jidher bħala diskors tqil, anzi, maqtugħ mir-realtà. Iżda l-għajnejn tal-fidi juruna li dan id-diskors huwa diskors ċavetta għal min irid jikseb is-saltna tas-smewwiet għaliex fih Ġesù ma jagħtiniex immaġini ta’ kif inhi s-Saltna tas-Sema iżda jurina ta’ min hi din is-Saltna.

Il-kelma “Ħenjin”  li naqraw f’din is-silta tmur lil hinn mill-ferħ tal-mument. Bl-Ingliż din il-kelma hija ttradotta bħala “Blessed” u għalhekk nifhmu li kull min iħares dawn l-istqarrijiet ikun imbierek minn Alla u mgħoti ħajja ġdida.

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Din hija l-pedament tal-beatitudnijiet l-oħra kollha għaliex huwa l-fqir li għandu qalbu mnikkta u jinsab bil-għatx għall-ġustizzja. Huwa l-fqir li jsofri u li jersaq quddiem il-Mulej b’idejh vojta. Għalhekk l-għana tiegħu tiddependi minn Alla biss; huwa Alla biss li jista’ jerġa’ jimlihom bil-ħajja u b’ħajja bil-kotra. Is-Saltna tas-Smewwiet hija tagħhom diġà, għaliex huma jiddependu b’mod sħiħ fil-Missier.

Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.

Quddiem ix-xejn u l-fraġilità Alla jfarraġ. Il-kelma Griega għal “mfarġa” tiġi mill-kelma “Paraklitos” li hija referenza għall-Ispirtu s-Santu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja. Forsi aħna u nħarsu lejn ir-realtà ta’ madwarna naraw l-ikrah tad-dinja li mxiet ’l bogħod  minn Alla u qalbna titnikket, imma tajjeb li niftakru li Alla se jerġa’ jġib kollox tajjeb u għalhekk nimtlew bit-tama li ġejja mill-Ispirtu s-Santu Paraklitu.

Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.

Jekk inħarsu lejn Ġesù naraw li tul ħajtu huwa għażel dejjem l-umiltà. Dan joħroġ biċ-ċar fil-passjoni tiegħu. L-Umli huwa dak li għandu saqajh mal-art, wieqaf fir-rieda li Alla l-Missier għandu għalih. L-Umli huwa wkoll dak li f’ċerti sitwazzjonijiet tal-ħajja jaf li għalkemm għandu raġun uman li jirribella u li jieħu li ħaqqu huwa jibqa’ sieket u jħalli lil Alla jaħdem.  

Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.

“Mhux nara daqskemm għandi ġuħ!” Min jaf kemm ġieli smajniha din!  Il-ġuħ u l-għatx iħosshom kulħadd iżda aħna bħala nsara msejħin li nkunu bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja. F’kull ma nagħmlu għandna nħossu l-ħtieġa li niddefendu lil Alla, lill-oħrajn u lill-ambjent ta’ madwarna.

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.”

Il-ħniena nirċevuha skont kemm nagħtuha. Dan l-aħħar Ħdud qrajna ħafna fuq il-ħniena ta’ Alla. Tajjeb niftakru f’dak is-sultan li ħafer dejn il-qaddej. Il-qaddej imbagħad ma rreċiprokax din l-ħniena li rċieva mal-proxxmu tant li s-sultan kellu jikkastiga lil dan il-qaddej infidil.

Fl-aħħar mill-aħħar, fit-talba tal-Missierna nitolbu: “Aħfrilna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.”

Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.

Ġesù jibni dan il-vers minn dak li naqraw f’Salm 24. Huwa min għandu jdejh indaf u qalbu safja li jitla’ fuq l-għolja mqaddsa tal-Mulej. Is-safa tal-qalb tfakkarna li fejn hemm qalbna hemm wkoll it-teżor tagħna. Qalbna ’l fejn hi orjentata?

Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.

Dawk li jfittxu l-paċi huma dawk li jitrattaw lil kulħadd bħal ħuhom u bħala oħthom. Ankè jekk ma naqblux bejnietna fuq affarjiet żgħar ejjew nagħrfu lil xulxin bħala aħwa. Il-paċi mhijiex xi ħaġa passiva iżda relazzjoni fraterna ta’ mħabba.  Min iġib il-paċi jibda jgħix is-saltna ta’ Alla minn ġo din id-dinja.

Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Mattew hawnhekk ipoġġi l-persekuzzjoni f’kuntest. Alla jbierek lil dawk li jagħtu ħajjithom għas-sewwa u għall-gustizzja, bħal ma’ għamel Ġesù fuq is-salib. Hija l-Knisja li fl-għerf u d-dixxerniment tagħha tiddefenixxi x’inhu sew u ġust f’għajnejn Alla.

Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom.”

Għeżież ejjew nifirħu bil-ħajja li Ġesù qiegħed jipproponielna llum imma fuq kollox ngħixuha! Ejjew nifirħu għaliex il-ħlas huwa kbir; iċ-ċittadinanza tal-Ġenna. Ejjew niftakru li kulħadd huwa msejjaħ biex isir qaddis; il-qdusija mhux xi ħaġa tal-ġusti iżda tan-nies komuni – bħali u bħalek. Tajjeb li ma nibżgħux jekk dan kollu jisfidana. Ftakar: Alla ma jitlaqx lil dawk li jħobbuh. Xhieda ta’ dan huma l-bnedmien kollha li qed igawdu lil Alla bħalissa fis-Sema, kemm dawk il-qaddisin li nafuhom u kemm dawk li ma nafux!

Qaddisin kollha ta’ Alla, itolbu għalina.

Din il-ġimgħa saret Lectio Divina għall-komunità minn Rev Roderick Baldacchino. Din ir-riflessjoni hija mibnija fuq dak li ntqal u ġiet adattata f’artiklu minn seminarista.

Share this: