Għeżież qarrejja u ħbieb tas-seminarju,
Nisperaw li intom tinsabu tajbin!
Din is-sena seminaristika bdiet ftit differenti mis-soltu!
L-ewwelnett, dħalna lura s-seminarju wara żmien kemmxejn twil d-dar, dan għaliex f’Marzu li għadda morna d-dar minħabba l-imxija tal-pandemija. Tul iż-żmien li konna magħluqin id-dar, konna niltaqgħu virtwalment bħala komunità tliet darbiet fil-ġimgħa fejn kien ikollna laqgħat ta’ formazzjoni u anke nitolbu flimkien.
Din is-sena hija wkoll ftit differenti mis-soltu għaliex, għalkemm din is-sena bdiet bl-irtir bħalma dejjem jiġri, din is-sena dan sar flimkien mas-seminaristi tas-Seminarju ta’ Għawdex, u għalhekk nistgħu ngħidu li ktibna l-istorja!
L-irtir tal-bidu tas-sena kien immexxi minn Fr Fabio Attard sdb.
Tul dan l-irtir Fr Fabio saħaq dwar l-importanza tal-meditazzjoni fuq il-kelma ta’ Alla fil-ħajja tas-saċerdot. Tul il-konferenzi li għamel magħna, huwa saħaq li għandna nfittxu li nibnu l-ħajja u l-ministeru tagħna fuq il-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Fr Fabio tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ Direttur Spiritwali fil-ħajja tas-seminarista u tal-qassis, u silet ukoll xi passaġġi mill-Kelma ta’ Alla li jirrakkuntaw episodji meta Ġesù talab lil Appostli u d-dixxipli tiegħu joħorġu minnhom nfushom u jaqbżu għal ħaddieħor, b’mod speċjali għall-fqir u l-emarġinat.
“Ġesù jixtieqna nagħtu l-ftit li għandna biex naqsmuh mal-oħrajn u mhux inħaddnuh magħna ma jmurx nitilfuħ,” saħaq Fr Fabio hekk kif kien qed jikkummenta fuq is-silta meta Ġesù talab lid-dixxipli tiegħu biex jitimgħu 5,000 t’elef ruħ.
Din is-sena il-komunità tas-Seminarju tikkonsisti minn 14-il seminarista.
12 minnhom residenti, 3 minnhom djakni, filwaqt li żewġt seminaristi jinsabu fis-sena intermedjarja (is-sena barra).
Is-seminaristi ġejjin:
mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn;
mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, Iż-Żejtun;
mill-Parroċċa ta’ Marija Mtella’ s-Sema, Ħ’Attard;
mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu l-Ħamrun;
mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara;
mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina l-Mellieħa;
mill-Parroċċa ta’ Marija Mtella’ s-Sema, l-Imqabba;
mill-Parroċċa ta’ Kristu Rxoxt, Pembroke;
mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat;
mill-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid;
u mill-Parroċċa ta’ Stella Maris, Tas-Sliema.
Huwa t-talb u l-grazzja ta’ Alla li jżommu l-komunità flimkien.
Filwaqt li nħeġġukom titolbu għalina kuljum fit-talb tagħkom;
aħna nwegħdukom li nitolbu għalikom.