Fil-bidu tas-sena seminaristika attendejna seminar organizzat miċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet dwar l-adolexxenti, iż-żgħażagħ u l-ħidma tagħna magħhom bħala seminaristi. Irriflettejna rigward il-bżonnijiet, il-biżgħat u t-tamiet tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ bħalissa. Kien essenzjali wkoll li jkollna għarfien rigward xi ideat, għajnuniet u riżorsi li nistgħu nużaw biex nilħqu aktar lil dawk li jattendu ċ-Ċentru għall-attivitajiet li jiġu organizzati ta’ kull xahar.
L-ewwel parti tal-laqgħa kienet immexxija mis-Sur David Grillo, fejn miegħu ddiskutejna min huma l-adolexxent u ż-żagħżugħ illum, u l-bidliet li jgħaddi minnhom l-adolexxent fi stadji differenti ta’ ħajtu. Fi gruppi iżgħar, qsamna l-ideat tagħna dwar x’inhuma l-bżonnijiet, il-biżgħat u t-tamiet tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ fil-ġurnata tal-lum.
Fit-tieni parti tal-laqgħa, is-Sur Joseph Pellicano kellimna rigward xi ideat, għajnuniet u riżorsi li nistgħu nużaw biex nilħqu aktar lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ li jattendu ċ-Ċentru. Fost dawn l-ideat, kien hemm l-użu tal-istejjer, il-ħsieb kritiku, diskussjonijiet, l-użu tal-arti u l-ambjent, u l-għajxien propju ta’ dak li jitgħallmu, fost oħrajn.
Dan kollu huwa neċessarju, għaliex kif jgħid id-dokument The Gift of the Priestly Vocation: “Minħabba l-importanza u l-ħtieġa ta’ formazzjoni waqt l-adolexxenza, fejn fiha l-identitatjiet taż-żgħażagħ jibdew jimmaturaw, huwa meħtieġ li l-adolexxenti jkunu akkumpanjati minn formaturi li jifhmu l-ħtiġijiet tal-età tagħhom, li huma edukaturi tajbin u xhieda tal-Evanġelju” (R.F. nru. 23).