Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 25:31-46)
31“Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. 32U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: 33in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. 34Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. 35Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, 36kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ 37Imbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? 38Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? 39Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ 40U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’
41Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. 42Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, 43kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! 44Imbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’ 45Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’ 46U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.”
Il-Kelma tal-Mulej
Fl-Evanġelju llum naraw l-importanza tal-Opri tal-Ħniena fil-ħajja tagħna. Ġesù għal ġimgħa oħra jerġa’ jfakkarna li għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq mill-bnedmin kollha. Ġesù jurina ma’ xiex għandna nkejlu l-fedeltà u l-imħabba tagħna lejh u x’inhuma dawk l-affarjiet li jew se jitfgħuna mal-ġusti fis-Saltna tiegħu jew mal-ħżiena fin-nar ta’ dejjem: l-Opri tal-Ħniena.
Kristu Re
It-titlu ta’ Re huwa mogħti lil Ġesù fl-Evanġelju. San Mattew jgħaqqad il-bidu u l-għeluq tal-Evanġelju tiegħu billi juri li Ġesù huwa Sultan.
Fil-bidu tal-Evanġelju naraw lill-Maġi jistaqsu għas-Sultan Ġesù u fir-rakkont tiegħu tal-passjoni jikteb li t-tabella li kellu Ġesù fuq is-Salib kienet tgħid: ‘Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.’
Is-Sultan Ġesù jidher f’kuntrast ukoll mas-Sultan Erodi. Fl-Evanġelju ta’ Mattew naraw d-diverġenzi li hemm bejn it-tnejn. Erodi huwa s-Sultan il-kburi, għajjur, kburi u supperv filwaqt li Ġesù huwa Sultan li mhuwiex ta’ din id-dinja iżda jidher bħala r-ragħaj li jirgħa l-Poplu ta’ Alla. Ġesù mhuwiex ragħaj mikri iżda għal kuntrarju huwa juri mħabba kbira għan-nagħaġ tiegħu tant li jagħti ħajtu għal kull waħda minnhom fuq is-salib. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann Pilatu jistaqsi lil Ġesù jekk hux Sultan u Ġesù jgħidlu: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.” Hawn naraw x’tip ta’ Sultan huwa Ġesù. Mhuwiex Sultan ta’ glorja bħas-Slaten l-oħra tad-dinja; Ġesù għalkemm jaċċetta lil dan it-titlu jispjega li dan m’għandux jinftihem bħala simbolu ta’ poter.
Ġesù Sultan u min se jidħol fis-Saltna tiegħu
Fl-Evanġelju tal-Ħadd jerġa’ jirritorna d-diskors eskatoloġiku (dwar l-aħħar żminijiet) ta’ Ġesù. F’din il-parabbola Ġesù wkoll jippreżenta lilu nnifsu bħala Sultan: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu.” Din hija xena li għad trid tiġri. Meta ma nafux. Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja l-Insara kienu jaħsbu li Ġesù kellu jerġa jiġi minnufih iżda biż-żmien il-Knisja għarfet li għad baqa’ żmien biex tevanġelizza qabel it-tieni miġja ta’ Ġesù. Nafu li huwa se jiġi f’dik il-lejla meta ħadd ma jkun qed jistennieh.
In-nagħaġ huma xbieha tal-innoċenza, annimal li ma jagħmilx ħsara (dan narawh l-aktar fis-salmi). Wara din is-separazzjoni nisimgħu l-ewwel kliem tas-Sultan. Dan huwa kliem ta’ barka: “Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna […]” Ġesù jagħtina wkoll litanijja ta’ raġunijiet għaliex dawn jistħoqqilhom jirtu s-Saltna.
F’din il-lista Ġesù jitkellem fis-singular: “kont”.
F’dawn is-sitt azzjonijiet naraw l-istat ta’ Ġesù li kien bil-ġuħ u bil-għatx u dawk ta’ fuq in-naħa t-tajba juru l-iskantament tagħhom u jistqarru li lil Ġesù qatt ma rawh b’dan il-mod. Għal dan Ġesù jwieġeb: “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”
L-Opri tal-Ħniena huma dawk li jiddeterminawx nirtux is-Saltna jew le
La din il-parabbola titkellem dwar l-aħħar affarjiet nistgħu naqgħu fl-iżball li naqrawha biex naqtgħu l-kurżità fuq dak li għad irid jiġri. Imma dan huwa żball, għaliex Ġesù jrid juri l-importanza ta’ dawn is-sitt opri tal-ħniena. Fl-Ittra Appostolika Novo Millennio Ineunte Papa San Ġwanni Pawlu II jikkummenta fuq dan l-Evanġelju u jistqarr li ma’ dawn il-versi l-Knisja tkejjel il-fedeltà tagħha bħala l-għarusa ta’ Kristu. Jekk il-Knisja, aħna, ma ngħixux dan it-test ma nistgħux ngħidu li ninsabu fit-triq tal-qdusija. Ma’ dawn is-sitt affarjiet nistgħu nkejlu nħobbux lil Alla jew le u jekk niritx is-Saltna jew le.
Quddiem it-tron ta’ Alla dan hu li se nsib quddiemi. Dawn is-sitt opri ta’ Ħniena qiegħed ngħixhom? Kif qed ngħix ħajti? Fejn ser iqegħdni dan is-Sultan? Quddiemu nkunu bla maskli!
Din il-ġimgħa saret Lectio Divina għall-komunità minn Patri Martin Micallef OFM Cap. Din ir-riflessjoni hija sinteżi ta’ dak li ntqal u ġiet adattata f’artiklu minn seminarista.