Il-Professur Oliver Friggieri ma kienx biss Professur għal uħud minna fis-Seminarju li qabel bdejna l-formazzjoni tagħna fis-Seminarju konna studenti tal-Malti fl-Università, imma kien ukoll ta’ spalla għalina fid-dixxerniment ta’ x’irid Alla minna f’ħajjitna.
Napprezza ħafna l-lezzjonijiet tiegħu, li għax il-letteratura kienet dwar il-ħajja ma kienx jiddejjaq jitkellem dwar il-ħajja; napprezza ħafna l-laqgħat li kelli miegħu, għax l-uffiċċju tiegħu kien miftuħ dejjem għall-istudent; napprezza ħafna l-preżenza tiegħu f’ħajti, preżenza umli imma soda.
Nammirah għall-professjonalità tiegħu, għax il-kitbiet tiegħu – riflessjoni ta’ xi ħadd li jaf iħobb, u għax jaf iħobb, jaf jissapporti – jibqgħu ifakkruna min aħna bħala Maltin u, fuq kollox, bħala bnedmin; nammirah għad-dedikazzjoni tiegħu – dedikazzjoni għall-istudju, iva, iżda wisq aktar għall-istudent; nammirah għat-tiftix tiegħu għall-verità, u għall-kuraġġ li jżomm ma’ dik il-verità.
F’dawn il-jiem ftakart ħafna fi ftit linji li jiddeskrivu lil Dun Grejbel – forsi l-aktar karattru magħruf tal-Professur Friggieri u t’ispirazzjoni għalija u għal seminaristi oħra tul iż-żmien – f’Hekk tħabbat il-Qalb Maltija (paġna 103):
Kull rebħa li għamel, għalhekk, kienet miraklu t’Alla; kull telfa li ġarrab kienet ħaġa normali, mistennija, waqgħa msekjna oħra tiegħu fit-triq twila, imħarbta, imżewqa, li kellu jimxiha kollha waħdu. Kull rebħa tiegħu kienet rebħa ta’ kulħadd; kull telfa kienet tiegħu biss.
Dun Grejbel – karattru reali daqskemm hu immaġinarju, u għalhekk, forsi bħal Friggieri nnifsu, qassis li ma kienx – hu eroj daqskemm hu bniedem li pprova jgħix il-ħajja tiegħu bl-aħjar mod li seta’. Aħna s-seminaristi għandna ħafna x’nitgħallmu minn dan kollu, imma mhux biss; mhijiex biss is-sejħa tal-qassis li Friggieri jikteb dwarha, iżda s-sejħa ta’ kull nisrani – u ta’ kull bniedem – hu fejn hu.
Iva, il-Professur Friggieri se jkollu jimxi waħdu t-triq li għandha twasslu s’għand il-Poeta li tant kien iħobb, iżda lilna ħalliena warajh wirt – Malti daqskemm hu nisrani – li jfakkarna f’min aħna u x’nistgħu nkunu, minn fejn ġejjin u fejn għad nistgħu mmorru u, fuq kollox, kif f’dinja li qed issir dejjem indifferenti nistgħu nibqgħu nistagħġbu b’dak li hawn madwarna u fina.