Qari mill-Evanġelju skont San Mark (13:33-37)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ”Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.
Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.
U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Aħna l-Insara nemmnu li wara t-tlugħ fis-sema ta’ Kristu, huwa għad jerġa jiġi bil-glorja kollha tiegħu, ukoll jekk mhux biċċa tagħna li nkunu nafu “l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu” (Atti 1,7). Dan il-fatt eskatoloġiku jista’ jseħħ minn mument għall-ieħor, u fih Kristu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, jikxef il-ħsibijiet moħbija tal-qlub u jagħti lil kull wieħed skont ma jkun għamel u skont kemm ikun laqa’ jew stmerr il-grazzja.
L-ewwel Insara kienu jemmnu li dan kollu kien ser jiġri fi żmien qasir. F’dan id-diskors ta’ Ġesù, San Mark l-Evanġelista donnu jwissi lill-ewwel Insara li l-interess tagħhom ma kellux ikun jekk din it-tieni miġja kellhix isseħħ tul ħajjithom jew le iżda li aktar għandhom jaħsbu dwar kif kienu se jgħixu din l-istennija.
F’din is-silta Ġesù juri l-importanza ta’ stennija mingħajr waqfien u mingħajr aljenazzjoni. Hu u jikteb, San Mark juża tliet verbi b’referenza għal din l-istennija li t-tlieta li huma għandhom konnotazzjonijiet differenti. L-ewwel verb huwa Blepete – bil-Malti tradott għal “Kunu ghajnejkom miftughha”. B’dan il-verb fuq fomm Ġesù, il-qarrej huwa mħeġġeġ iħares b’attenzjoni u ma jaljenax ruħ tul din l-istennija. It-tieni verb marbut mal-istennija li juża San Mark fit-test huwa Agrypneite, jiġifieri “Ishru” (kif naraw f’vers 33). Issa li għandu għajnejh miftuħa u li jaf li Ġesù għandu jerġa jiġi l-qarrej għandu jibqa’ għajnejh miftuħa, anke jekk b’ċertu għejja jew ħedla. L-aħħar verb li jagħmel użu minnu l-Evanġelista huwa Gregoreite. Dan il-verb huwa wkoll tradott bħala “Ishru” fit-traduzzjoni Maltija (kif jinsab f’v. 35 u v. 37). Hawn il-qarrej huwa mħeġġeġ jibqa mqajjem mhux biss fil-preżent imma anke għall-ġejjien. Donnu Ġesù jwissina li l-energija għandha tibqa’ fuqna anke tul it-triq tal-istennija, twila kemm hi twila.
Għaliex hawn din l-enfasi kollha fuq l-istennija?
“Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.”
Ġesù ser jiġi mingħajr avviż. Tajjeb li fid-dawl ta’ dan kollu nistaqsi:
“X’se jkun l-atteġjament tiegħi quddiem din it-tħabbira ta’ Ġesù?”
Quddiem l-istennija għat-tieni miġja ta’ Ġesù tajjeb li ma nillaxkax. Meta student ikollu deadline għal xi assignment dan normalment iħalli għal aħħar għaliex jaf li għandu ċ-ċans li jlestih bil-kwiet. Iżda meta student ikun mgħarraf mill-għalliema tiegħu li din ser tagħmillhom surpise test dan irid ikun dejjem ippreparat għal kull eventwalità.
L-istess aħna. Ma nafux meta Ġesù għandu jerġa jiġi. Tul din l-istennija Ġesù ħalla “kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu”, jiġifieri f’idejn l-komunità nisranija, il-Knisja, li kull wieħed u waħda mill-membri tagħha huma msejħin biex jikkuraw u jsaħħu lil din il-familja ta’ Alla. Għalhekk, kulħadd huwa responsabbli mill-bini tal-Knisja fid-dinja, u wkoll Ġesù jħeġġeġ lil kull min qed jaqra biex ikun dejjem fidil għal dak li hu qiegħed jitlob minnu.
Fid-dawl tal-Evanġelju tal-lum u tas-siltiet li konna qed naqraw tul dawn l-aħħar Ħdud, nistgħu ngħidu li għandna tliet ċertezzi:
- Ġesù ser jerġa jiġi fil-glorja fit-tieni miġja tiegħu
- Huwa ġej mingħajr avviż; bla ħadd ma jkun jaf.
- Il-ġudizzju tiegħu ser ikun fuq kemm impenjajna ruħna biex ngħixu l-preżent.
Il-Ħadd li għadda qrajna dwar l-importanza tal-atteġjament tagħna ma xulxin. Dan huwa l-kriterju tal-ġudizzju li ser nirċievu.
Ħarsa lejn ħajti
Tajjeb li niftakar li jien mgħammed. Forsi qiegħed inħejji wkoll għas-sagrament tal-Ordni Sagri jew taż-Żwieġ.
Jekk nittawwal sew fil-fond tal-qalb tiegħi naraf li diġa hemm il-ftuħ għal dak li ġej mill-Mulej Ġesù.
Tajjeb li nkun konxju b’dan il-ftuħ. Tajjeb li nirrealizza wkoll li jista’ jkun li fil-mixja tiegħi wara Ġesù jiena bridt xi ftit u għalaqt xi ftit għajnejja. Forsi poġġejt fil-ġenb biex mingħalija nistrieħ jew forsi spiċċajt irqadt xi raqda fonda. Fid-dawl ta’ dan tajjeb li nisimgħu l-kliem ta’ Ġesù jidwi f’widejna: “Ishru”.
Aħna msejħin nibqgħu mqajmin
Għalkemm forsi drajna fil-vokazzjoni tagħna, fl-għerusija tagħna jew bl-impenn Nisrani tagħna, jeħtieġ li nerġgħu nitħeġġu, jeħtieġ li nerġu nqumu u nishru għaliex Alla għadu qed jitkellem u jeħtieġ li nibqgħu nirċievu. J’Alla qalbna tibqa dejjem miftuħa għal ġdid li Ġesù jagħtina kuljum permezz tal-kelma tiegħu u tal-oħrajn. F’dan l-Avvent, ejjew nqumu mir-raqda, nitħeġġu għat-tajjeb, nishru, u nkunu lesti nitilfu lilna nfusna biex nigħxu miegħU għal dejjem.