Il-Komunità

Kull sena seminaristika ġġib magħha ħidmiet differenti li s-seminaristi fi ħdan il-komunità tas-Seminarju nagħmlu bħala parti mill-formazzjoni tagħna.

Wieħed mis-servizzi huwa l-grupp ta’ ħidma G.Ħ.K. (Grupp Ħajja Komunitarja) fejn l-għan prinċipali tiegħu huwa li janima l-komunità tas-Seminarju.

Iżda biex wieħed jifhem aħjar il-ħidma ta’ dan il-grupp wieħed tajjeb jara s-sens li l-kelma ‘komunità’ li għandha għalina l-Insara.

Kristu stess meta kien fuq l-art waqqaf komunitajiet kull fejn mar. Ma marx f’post, fejjaq u daqshekk imma ġab bidla fil-qalb tal-bniedem li rriżultat f’komunitajiet li baqgħu jimxu warajH, saħansitra anki sa mewtu u wara l-qawmien tiegħu mill-mewt. U dan huwa li Ġesù qiegħed jistieden lil kull wieħed u waħda minna, sabiex ngħixu l-ħajja Nisranija billi nħobbu u nkunu maħbuba minn Alla, u mbagħad inwasslu din l-imħabba lejn l-oħrajn. Li persuna taqsam dak li qiegħda tgħix mal-oħrajn, li taqsam l-isfidi tal-ħajja, il-ħajja spiritwali, it-tbatijiet, il-mard, il-ferħ u n-niket li wieħed iġarrab jagħmlek parti minn komunità. Dan kollu wieħed ma jistax jgħixu waħdu imma flimkien ma’ komunità li ssostnih u li qed tagħmel mixja flimkien miegħu, u dan bl-għan li nkomplu nikbru fl-imħabba tagħna lejn Alla u allura lejn ħutna fil-proxxmu wkoll.

Nawgura mhux biss lilna li qegħdin preżenti fil-komunità tas-Seminarju li ngħixu dan l-ispirtu ta’ komunità bejnietna, iżda wkoll lilkom qarrejja, sabiex tgħixu il-ħajja komunitarja kif irid minna Ġesù u nkunu xhieda li aħna Nsara kull fejn inkunu. Għax sew id-dar, sew fl-iskejjel, sew fil-postijiet tax-xogħol u postijiet oħra, “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!” (Salm 133:1).