Nemmen li meta nħarsu lejn il-fidi u s-sejħa tagħna li nkunu nsara ħafna drabi ninsew li għandna wkoll d-dimensjoni soċjali. Ninsew li aħna msejħin biex inkunu nsara fl-ambjenti kollha, allura anke fis-soċjetà u fil-mod ta’ kif din titmexxa. Nemmen li Papa Franġisku matul il-Papat tiegħu qed jagħti kontribut kbir fir-rigward tas-soċjetà u l-politika.
Il-Papa Franġisku waqt li kien ġewwa l-Brazil għall-World Youth Day, iddeskriva l-politika bħala waħda mill-forom ogħlja ta’ mħabba, ta’ karità. Il-Papa Franġisku jara l-politika bħala espressjoni tal-ħajja komunitarja, u dan għaliex l-għan tal-politika huwa u għandha tkun il-ġid komuni. Fi kliem ieħor hija l-imħabba lejn il-komunità li għandha tressaqna lejn is-sehem fil-politika. Għal Papa Franġisku l-politiku jeħtieġ li jkun qalb il-poplu, fost il-poplu u jaħdem magħhom biex il-poplu jkun il-protagonist fl-istorja, fl-iżvilupp tas-soċjetà. Il-kelma poplu tmur lil hinn min-numru ta’ nies li nzertaw ġew fl-istess pajjiż, li joqogħdu ħdejn xulxin, imma huwa terminu – li minnu nnifsu huwa proċess li nsiru poplu – fejn bl-isfidi li s-soċjetà taffaċċja u bit-tajjeb li fiha, aħna nikbru f’poplu magħqud b’għan wieħed: l-iżvilupp ta’ kull persuna.
F’Evangelii Gaudium, il-Papa Franġisku jitkellem u jsemmi l-isfidi li kull soċjetà fid-dinja qed taffaċċja. Il-kelma prinċipali li toħroġ minn dawn l-isfidi li jsemmi f’Evangelii Gaudium hija l-esklużjoni tal-bniedem. Kelma importanti quddiem dawn l-isfidi hija relazzjoni; ir-relazzjoni tagħna mal-ekonomija, mal-flus, mas-sistemi finanzjarji, bejnietna membri tal-istess umanità u mad-dar komuni. L-ikbar sfida hija l-frammentazzjoni tal-ħsieb u tal-viżjoni tagħna. Is-soluzzjoni hija li nħarsu lejn il-problemi mil-lenti l-kbira, b’mod integrali, u allura l-bżonn li niġu flimkien, ilkoll, kulħadd bil-għarfien tiegħu, bl-esperjenza tiegħu fejn flimkien nfittxu li naħdmu għall-ġid komuni.
Il-Papa japplika l-ħsieb tiegħu li jinvolvi lil kulħadd mhux biss fuq livell ta’ soċjetà biex jintlaħaq il-ġid komuni, imma anke fuq livell internazzjonali, fejn bil-għajnuna ta’ kull nazzjon, reliġjon u għaqdiet internazzjonali nistgħu nagħmlu d-dinja post aktar sigur fejn il-paċi tirrenja. L-attitudni tiegħu ta’ diplomazija tal-ħniena u l-ftuħ għad-djalogu għenu biex jitbexxqu bibien ġodda li joffru tama għal dinja aktar fil-paċi. Il-paċi mhux biss li ma jkollokx gwerer iżda wkoll l-għażla ta’ politika fejn nistgħu ma naqblux iżda mhux nkissru lil xuxlin. Din titlob minna konverżjoni tal-qalb fejn bħala Knisja nfittxu li niffurmaw mexxejja li għandhom għal qalbhom id-djalogu, fejn il-kunflitti jsiru opportunità biex nitgħallmu minnhom, u kif ukoll ix-xewqa li nirrikonċiljaw mal-istorja u li nsewwgħu l-inġustizzji tal-passat.