Marija tmexxina

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 1, 26-38)

F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.

Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.

Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Imbagħad qalet Marija: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Krist

Marija Santissima

Mir-rakkont tat-tħabbira tal-Anġlu lil Marija li ser inkun qed naqraw f’dan il-Ħadd naraw l-irwoll ċentrali ta’ Marija u s-sehem attiv li hi kellha fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. F’dan ir-rakkont naraw lil Marija bħala figura ta’ eżempju għal dawk kollha li jridu jidħlu f’relazzjoni serja m’Alla.

F’dan l-Evanġelju naraw lil Marija tieħu fuqha din il-missjoni li fiha jitnissel l-Iben ta’ Alla biex hi tkun tista’ tagħtih lid-dinja. San Iżakk, abbati tal-monasteru ta’ Stella, iqabbel lil Marija mal-Knisja fil-kitbiet tiegħu. Huwa jikteb li kemm Marija u kemm il-Knisja huma “t-tnejn ommijiet, it-tnejn verġni; [it-tnejn] inisslu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu [u] sew il-waħda u sew l-oħra jagħtu, mingħajr dnub, ir-ras lill-ġisem […] It-tnejn huma omm Kristu, iżda ebda waħda minnhom ma tiled mingħajr l-oħra r-raġel sħiħ kollu kemm hu.”

Marija, l-“iva” u l-vokazzjoni

“Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”

Marija hija wkoll mudell għal dawk kollha li qed ifittxu l-vokazzjoni tagħhom u għal dawk li qed jippruvaw jgħixuha. Marija hija il-mara tal-“Iva”. Tul dan il-passaġġ naraw l-Anġlu ta’ Alla jakkumpanja lil Marija pass pass sa meta tagħtih ir-risposta tagħha. U aħna, kemm għandna bżonn l-akkumpanjament ta’ Marija fil-ħajja tagħna? Hi li għexet b’mod perfett il-vokazzjoni tagħha quddiem Alla?

Il-“Fiat”, l-“Ammen” jew l-“Hekk ikun” ta’ Marija tibqa timmarka l-bqijja ta’ ħajjitha u għaddiet min xiex għaddiet hija kompliet tgħixha fil-perfezzjoni tagħha.

Marija l-ewwel nislet lil Ġesu fil-qalb tagħha, imbagħad fir-ruħ tagħha, imbgħad fl-oħrajn. Jeħtieġ li aħna wkoll ngħaddu minn dan il-proċess flimkien ma’ Ommna Marija, hi li tmexxina u żżommna minn idejna bħalma tagħmel Omm m’uliedha.

Talba 

Hekk kif inħares lejn id-dgħjufijiet tiegħi u l-kobor tas-sejħa li għamilli Ġesù, nitolbok, O Marija, biex tgħinni nqawwi l-“Iva” tiegħi. Agħtini l-umiltà li kellek int biex niddistakka lili nnifsi minn dak li nħobb, u li naqdi lil Alla mingħajr riservi kif għamilt u għadek tagħmel int. “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”

Marija Omm Alla, itlob għalina.

Sliema u Qaddisa.