Saqajna mal-art

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (1, 6-8.19-28)

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.

Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Krist

Punti ta’ riflessjoni

Waqt li fit-tieni Ħadd tal-Avvent aħna mħeġġa nsegwu l-eżempju ta’ dawk kollha mil-Lhudija tan-nies kollha ta’ Ġerusalemm (Mark 1:5) biex inġeddu l-ispirtu tal-Magħmudija tagħna u nistqarru dnubietna – u b’hekk nippreparaw biex nilqgħu lil Ġesù mill-ġdid fil-ħajja tagħna – fit-tielet Ħadd tal-Avvent aħna mistiedna biex inkomplu l-missjoni ta’ xhieda fid-dinja tal-lum.

Ġwanni l-Battista fir-raba’ Evanġelju għandu aktar l-irwol ta’ xhieda milli ta’ dak li kellu jiġi qabel il-Messija: Ġwanni ma kienx id-dawl, “imma ġie biex jixhed għad-dawl.” M’hemmx konfużjoni. Kbir kemm hu kbir Ġwanni, huwa m’huwiex id-dawl. Ġwanni hu biss xhieda, u meta Ġwanni jiċħad li hu l-Messija juri li Ġesù biss jista’ jgħid “Jiena hu.”

Lil Ġwanni stħajluh Kristu, imma stqarr li ma kienx dak li kienu qegħdin jaħsbu li hu. Ġwanni ma nqediex bl-iżball ta’ ħaddieħor biex jiftaħar hu, m’approfittax mis-sitwazzjoni biex tgħaddi tiegħu. Ġwanni, għax kien umli, kellu saqajh mal-art; kien jaf sewwa fejn hu postu, u żammu.

L-umiltà ta’ Ġwanni, għalhekk, hija ta’ sfida għal kull min jixtieq li jkollu parti mill-missjoni tal-Knisja, li tibqa’ l-missjoni ta’ Kristu u qatt m’għandha ssir il-missjoni tal-missjunarju. Din l-umiltà ta’ Ġwanni tfakkarna, għalhekk, fil-bżonn li nitolbu għall-kuraġġ li nagħrfu l-fidi bħala r-realtà oġġettiva; mhux li nara r-realtà kif jaqbel lili, imma kif jaraha Alla.

Aħna leali biss jekk ma nħallux lilna nfusna nitkaxkru minn xi idea kbira – dwarna u mhix – u għandna kontinwament nistaqsu lilna nfusna fuq l-oġġettività ta’ dak li naħsbu, ngħidu u nagħmlu, u nitolbu li jkollna l-kuraġġ inżommu mas-sobrjetà ta’ din l-oġġettività, ta’ dan il-mod kif Alla jħares lejna, lejn l-oħrajn u lejn il-ħolqien.

Talba 

Sinjur Alla, inti taf x’hemm fil-qalb tagħna u taf b’liema fedeltà qegħdin nistennew il-festa tal-Milied; nitolbuk tgħinna ngħixu dak il-Ferħ imħabbar f’dak il-lejl qaddis, u li nkunu kapaċi niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna b’qalb ferħana tul il-jiem kollha ta’ ħajjitna. Ammen.