Meditazzjonijiet qosra marbuta mar-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù għal dan iż-żmien tal-Milied
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Illum twildilkom Salvatur (Lq 2:1-14)
F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.
Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.
Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
F’dawk l-inħawi kien hemm xi ragħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.
F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù skont San Luqa huwa sempliċi iżda għani fil-kontenut. Nistgħu naqsmu dan ir-rakkont f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti (vv. 1-7) naqraw deskrizzjoni skematika tat-twelid ta’ Ġesù u fit-tieni (vv. 8-20) naqraw dwar it-tħabbira tal-Anġlu lir-ragħajja, dwar il-grotta ta’ Betlehem u s-sentimenti li kien hemm fiha.
San Luqa jinserixxi t-twelid ta’ Ġesù f’dimensjoni universali. Huwa jibda billi jsemmi li Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment mad-dinja kollha. B’dan Luqa jelenka li t-twelid ta’ Ġesù ma kienx indirizzat għal-Lhud biss iżda għad-dinja kollha.
L-Imperatur kien meqjus bħala bniedem li jistħoqqlu l-qima. Saħansittra, kien meqjum bit-titli ta’ Mulej u Salvatur. F’dan l-Evanġelju naraw dawn it-titli trasferiti għat-tarbija ċkejkna ta’ Betlehem.
Filwaqt li ċ-ċensiment jidher li kien inizjattiva ta’ Ċesari, Alla jagħmel użu minn dan għat-twettieq tar-rieda tiegħu. Il-mixja ta’ Marija u Ġużeppi minn Nazaret sa’ Betlehem hija preżentata bħala pellegrinaġġ. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II jikkummenta dwar dan, u jikteb li Marija kienet l-ewwel tabernaklu; hi li f’ġufha ġarret b’għożża lis-Salvatur tal-bnedmin.
Ġużeppi u Marija
Ġużeppi jissemma fil-bidu ta’ dan ir-rakkont, iżda mbagħad l-attenzjoni ddur fuq Marija u t-tarbija tagħha.Ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù, Luqa jiktbu f’żewġt versi. Marija hija is-suġġett ta’ tlett verbi, “wellditu”, “fisqietu” u “Medditu”. Dik li quddiem l-Anġlu ssejjaħ lilha nnifisha “il-qaddejja tal-Mulej”, qed iżżomm b’fedeltà l-kelma li tat u tadura lil binha Ġesù.
Il-maxtura, Betlehem u l-Ħobż
Luqa jsemmi l-maxtura tlett darbiet. Il-maxtura hija l-platt li minnha jieklu l-annimali. L-Evanġelista jippreżenta żewġ misteri mwaħdin ma’ xulxin. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni mwaħħad ma’ dak tal-Ewkaristija. Il-Belt ċkejkna ta’ Betlehem, li tfisser “id-dar tal-ħobż,” tilqa’ fiha lill-Ħobż il-ħaj li niżel mis-Sema. Marija tpoġġi fil-maxtura lill-Ħobż il-ħaj u turi li min jemmen fih għandu jiekol ġismu u jixrob demmu. Bħar-rgħajja aħna msejħin nistgħaġbu quddiem din t-tarbija ċkejkna mgeżwa fil-faxex.
Il-lukanda
Naqraw li ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda. Il-kelma wżata fit-test oriġinali mhijiex il-kelma lukanda, jiġifieri post li jilqa’ lil kulħadd, iżda tintuża l-kelma li tfisser “kamra għall-barranin.” Ma kienx hemm post għal Marija, Ġużeppi u t-tarbija Ġesù f’ġufha, lanqas f’kamra għall-barranin!
“Illum”
“Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur.” Il-kelma “Illum” hija favorita għal Luqa. Huwa juża din il-kelma biex jurina t-twettieq tal-wegħdiet li Alla għamel mal-poplu tiegħu.
Il-faxex
Il-faxex kellu jkun sinjal għar-rgħajja, għaliex naqraw li l-Anġlu qalilhom li kellhom isibu “tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” Fil-faxex hemm moħbi sinifikat profond. Il-glorja tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem bħalna hija moħbija taħt il-faxex. Fl-ikonografija tal-Lvant il-maxtura tixbah wkoll tebut u flimkien mal-faxex tipponta lejn il-mewt ta’ Ġesù: l-iskop li għalih ġie fid-dinja, biex isalvana minn dnubietna. Ġesù ħa fuqu l-kundizzjoni ta’ Adam u Eva, tgħabba bid-dnub, tgħabba bil-faxex, sa ma jħallihom fil-qabar mal-qawmien tiegħu mill-mewt, hekk kif ħeles lill-bnedmin kollha mill-ħakma tad-dlam u d-dnub.
L-għar u d-dar li fiha jagħmmar Ġesù.
L-għar huwa post maħmuġ u jinten. Lejn l-għeluq tal-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu, “Evangelii Gaudium,” il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku jikteb li “Marija hi dik li għar tal-annimali taf tibdlu f’dar għal Ġesù, bi ftit faxex fqajra u ħafna ħlewwa. Hi l-qaddejja ċkejkna tal-Missier li taqbeż bil-ferħ fit-tifħir. Hi dik is-sieħba dejjem attenta li ma jmurx jonqos l-inbid fil-ħajja tagħna.” Ħafna drabi qalbna donna ssir għar mimlija bil-ħmieġ, għalhekk għandna bżonn il-preżenza ta’ Marija biex terġa ġġibna ndaf u safja kif dejjem kienet hi quddiem Alla.
Mhuwiex “worth it” tgħix ġo għar tal-annimali. Għalhekk ejjew induru lejn din l-Omm tagħna tas-Sema biex turina dak li għandna bżonn biex qalbna tinbidel f’dar li fiha jgħammar Ġesù, il-Mulej u s-Salvatur
Talba
Marija, Omm Alla u Ommi, itlob lil Alla għalija biex qalbi tkun tassew tixbaħ lil tiegħek.
Sliema u Qaddisa.
Dawn il-ħsibijiet qosra ġew adattati minn Lectio Divina li Patri Martin Micallef OFM Cap. għamel lill-komunità.