Fis-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej, nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar 2021, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna istitwixxa lil tliet seminaristi bħala letturi fil-Ministeru tal-Lettorat. Imma ħafna nies jistaqsu Lettur u Lettorat x’inhuma eżatt?
Fit-triq lejn is-saċerdozju jasal mument fejn is-seminarista jwiegħed li ser jieħu bis-serjetà iktar minn qatt qabel ir-responsabbiltà li jkun jaf sewwa l-Iskrittura Mqaddsa u jwassalha lil kull min jiltaqa’ miegħu. Dan iseħħ b’mod uffiċjali fl-għoti tal-Ministeru tal-Lettorat. Permezz ta’ dan il-ministeru s-seminarista jsir għalhekk lettur (jew qarrej) uffiċjali tal-Bibbja waqt il-liturġija b’mod speċjali fil-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet oħra.
Dan ukoll jiġi b’responsabbiltà li s-seminarista jxandar il-Kelma ta’ Alla permezz tal-katekiżmu, kif ukoll bl-eżempju tal-ħajja tiegħu.
Mons. Arċisqof waqt l-omelija tiegħu fakkar lil-letturi l-ġodda, Gylan Camilleri mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna Wied il-Għajn, Ian Diacono mill-Parroċċa ta’ Stella Maris tas-Sliema u Clive Seychell mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp il-Kalkara, li qed jiġu msejħa biex ikunu qaddejja tal-Kelma u sabiex ifittxu r-risposti tal-ħajja tagħhom b’qalb safja u għalhekk ixandruha wkoll b’qalb safja.
Filwaqt li nawguraw lil-letturi ġodda fil-Knisja, nawguraw ukoll lil kull wieħed minna li għandna l-Kelma ta’ Alla f’idejna sabiex nisimgħu lil Alla jkellimna meta naqraw il-Bibbja u għalhekk tkun il-Kelma li twassalna sabiex inservu lil Ġesù fil-qadi tagħna lill-proxxmu fil-ħajja ta’ kuljum.
Ritratt: Knisja.mt/ritratti