Monsinjur Mikiel Azzopardi, magħruf bħala l-Fundatur tad-Dar tal-Providenza, twieled il-Belt, fl-10 ta’ Frar 1910, l-ewwel fost tmien aħwa. Beda l-Università biex jistudja ħalli jsir avukat iżda wara erba’ snin li kien ilu jistudja l-Liġi, għaraf li l-Mulej kien qiegħed isejjaħlu biex isir saċerdot, u għalhekk telaq l-istudju tal-Liġi u mar jistudja Ruma fl-Università Gregorjana minn fejn ħa l-Baċċellerat fit-Teologija. Ġie ordnat saċerdot fit-22 ta’ Diċembru 1934, fl-età ta’ 24 sena, mill-Isqof Dom Mauro Caruana.
L-ewwel ħidma tiegħu kienet dik ta’ Prefett tal-Istudji fis-Seminarju tal-Furjana. Sitt snin wara daħal mal-Gvern jgħallem ir-Religjon u wara nħatar Direttur Spiritwali Distrettwali. Wara sar Spettur tal-Edukazzjoni Religjuża fl-iskejjel, kariga li baqa’ jokkupa għal ħafna snin. Sakemm dam f’din il-kariga, fost ħidmiet oħra, kien ukoll jgħallem il-Kateketika fil-Kulleġġi tal-Għalliema f’Tal-Virtù u f’Ta’ Ġorni, kif ukoll kull nhar ta’ Ġimgha kien jagħmel l-ispjega tal-Evanġelju minn fuq ir-Rediffusion għat-tfal tal-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.
Minkejja dil-ħidma tiegħu fil-kamp edukattiv, Dun Mikiel kien jiddedika ħafna mill-ħin tiegħu fl-Azzjoni Kattolika. Qabel ma mar jistudja Ruma kien membru attiv taċ-Circolo Gioventù Cattolica tal-Belt, dak iż-żmien kien immexxi mill-magħruf Monsinjur Enrico Dandria. Għalhekk meta kien qed jistudja Ruma huwa kellu diversi laqgħat ma’ diriġenti tal-Azzjoni Kattolika Taljana u mingħandhom kiseb tagħrif dwar kif kienet titmexxa l-Azzjoni Kattolika fl-Italja. Mhux ta’ b’xejn wara li sar Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika – wara Monsinjur Pantelleresco – huwa nxteħet b’ruħu u ġismu biex isaħħaħ, jorganizza u jxerred il-ħidma tal-Azzjoni Kattolika fil-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex. Fil-fatt kien hu li ġabar l-Azzjoni Kattolika mill-ħerba li ħalliet warajha t-Tieni Gwerra Dinjija f’pajjiżna. U wara l-Kungress li organizza f’Ħal Qormi fl-1943 u li hu sejjaħlu “Il-Miraklu tal-Qawmien”, irnexxielu jagħmel minn din l-għaqda, matul is-snin twal li dam jaħdem fiha, forza qawwija ta’ lajċi mħeġġa bi spirtu ta’ appostolat, b’imħabba kbira lein Alla u lejn il-Knisja u bi spirtu ta’ servizz għall-proxxmu.
Monsinjur Azzopardi kien tabilħaqq mexxej kariżmatiku li mogħni b’kelma mimlija ħeġġa u entużjażmu kien ikaxkar lil bosta mill-membri biex imiddu jdejhom għax-xoghol u l-ħidma li kienet tafdalhom l-Azzjoni Kattolika. Mhux biss irnexxielu jwaqqaf ċirkoli tal-Azzjoni Kattolika tal-irgiel, tan-nisa, tax-xebbiet, tal-ġuvintur u tat-tfal, imma wkoll ħoloq tant inizjattivi ġodda favur l-emigranti, l-istampa t-tajba, l-assistenza soċjali, l-għalliema, il-professjonisti, l-istudenti, il-morda u l-persuni b’diżabblità.
Kien proprju bis-saħħa tal-Kummissjoni Ħidma għall-Morda u Persuni b’Diżabbiltà li bil-għajnuna tal-Providenza seta’ jidħol għal proġett siewi favur il-persuni b’diżabbiltà, li dak iż-żmien ħafna kienu jżommuhom lura, maqfulin u moħbija fid-dar, u jagħti bidu għat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Kien dan is-saċerdot li bil-għajnuna tal-Azzjoni Kattolika rnexxielu jibdel Rest Camp li kien jintuża min-Navy Ingliża u li kien ingħata lill-Azzjoni Kattolika biex tużah bħala Summer Camp għat-tfal batuti, f’kumpless ta’ tliet vilel sbieħ u komdi li jixirqu lill-“anġli tiegħu”, kif kien iħobb isejjaħ lill-persuni b’diżabbiltà. Kien hu li rnexxielu wkoll jibni mentalità ġdida permezz tax- xandiriet regolari tiegħu minn fuq ir-Rediffusion favur il-persuni b’diżabbiltà u l-bżonnijiet tagħhom.
Monsinjur Mikiel Azzopardi miet fit-13 ta’ Mejju 1987, fl-età ta’ 77 sena. Il-funeral tiegħu sar fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u li kien maħnuq bin-nies, fosthom numru kbir ta’ persuni b’diżabbiltà, li marru jsellmu għall-aħħar darba lil dan is-saċerdot benefattur kbir ta’ Malta. Huwa jinsab midfun, kif jixraqlu, fl-istess Dar tal-Providenza.
Fit-13 ta’ Mejju 2015, id-Direttur preżenti tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, ippreżenta l-ittra mitluba minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li permezz tagħha jista’ jingħata bidu għall-proċess tal-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazjoni ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi.
Mill-ktejjeb “Il-frott tagħhom jibqa’…”, kitba tar-Rev. Kan. John Ciarlò, pubblikazzjoni tas-Seminarju tal-Arċisqof, 2000
Ritratt: Id-Dar tal-Providenza