Qaddejja tal-Ewkaristija

L-aħħar ministeru li jingħata qabel id-Djakonat, huwa l -Akkolitat. Il-Kelma akkolitu ġejja mill-kelma Griega acolitus li tfisser li tassisti, li timxi wara xi ħadd. Din tikkonferma l-mixja li qed jagħmel l-akkolitu fid-dixxipulat wara Kristu, hu u jħejji ruħu għas-saċerdozju. Bħala akkolitu, wieħed jingħata l-uffiċċju li jgħin u jassisti lis-saċerdot u lid-djakni fil-qadi tal-ministeru tagħhom waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iqarben lil ħutu Insara, fosthom ukoll lill-morda fi djarhom, li jitħeġġeġ fl-imħabba personali tiegħu lejn l-Ewkaristija, u fuq kollox li jgħix b’mod li jkun jixraqlu iservi fil-mejda tal-Mulej u tal-Knisja.

Nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar 2021, is-Seminaristi Sean Abela mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat u Jean Claude Attard mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn ġew istitwiti f’dan il-ministeru mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta. L-Arċisqof ħeġġeġ lil dawn is-seminaristi li qed jiġu istitwiti bħala qaddejja tal-Ewkaristija biex ma jinsewx li t-tarbija ta’ Betlehem li jagħti ħajtu, isir ukoll ħobż tas-sema għalina, għal kull wieħed u waħda minna.

Ritratt: Knisja.mt/ritratti