L-Isqof Dom Mauro Caruana twieled il-Furjana fis-16 ta’ Novembru tal-1867, u fil-magħmudija tiegħu semmewh Luigi. Meta kien għad għandu disa’ snin tilef lil ommu, u missieru daħħlu jistudja fis-Seminarju ta’ Għawdex. Sena wara beda jattendi l-Kullegg Sant’Injazju f’Tas Sliema mmexxi mill-Ġiżwiti. Ta’ sbatax-il sena daħal mal-patrijiet Benedittini ta’ Fort Augustus fl-Iskozja fejn ingħata l-isem ta’ Mauro. Ġie ordnat saċerdot fl-14 ta’ Marzu tal-1891, fl-eta ta’ 24 sena. Wara l-ordinazzjoni, is-superjuri tiegħu bagħtuh Ruma biex ikompli l-istudji tiegħu fil-Liġi Kanonika. Lura l-Iskozja, huwa kien jgħallem il-filosofija, it-teoloġija u l-letteratura Latina fl-Abbazija tal-Benedittini, u kien kappillan. Meta kellu 37 sena, l-Isqof Malti Benedittin Ambrose Agius li s-Santa Sede kienet bagħtitu bħala Delegat Appostoliku fil-Filippini għażlu bħala segretarju tiegħu. Wara l-mewt tal-Isqof Agius, Dom Mauru Caruana reġa’ lura Fort Augustus fejn sar id-direttur tal-kor u kien jispeċjaliżża fil-kant Gregorjan.
Kien fil-bidu tal-1915, waqt li kien Malta biex jara l-familja fi triqtu lejn il-Brażil għal xogħol tal-missjoni li waslitlu l-ħatra tiegħu bħala Isqof ta’ Malta mill-Papa Benedittu XV, wara l-mewt tal-Isqof Pietro Pace. Kif kiteb fl-ewwel ittra pastorali tiegħu, huwa qatt ma kien għaddielu minn moħħu li kellu jitlaq l-Ordni Benedittin li tant kien iħobb, imma daqstant ieħor feraħ li kellu jerġa’ wara ħafna snin jara art twelidu u jgħannaq lil niesu u lill-ħbieb tiegħu. Dom Mauru ġie kkonsagrat Isqof mill-magħruf Kardinal qaddis Merry del Val f’Santa Marija in Trastevere, Ruma, fl-10 Frar, festa tan-nawfraġju ta’ San Pawl. Fost il-gazzetti Ingliżi li faħħru l-għażla tiegħu bħala Isqof ta’ Malta kien hemm it-Tablet li faħħritu għall-fama li kellu ta’ studjuż u ta’ teologu li kien ibbrilla fil-mużika u li kien predikatur tajjeb li saħansitra kien ġie mistieden biex jipprietka fil-katidral ta’ Westminster. L-isqof Mauro Caruana wasal Malta fil-25 ta’ Frar u ngħata merħba kbira mill-poplu kollu Malti hekk kif wasal id-dwana bil-vapur. Ħa l-pussess bħala Isqof ta’ Malta fid-19 ta’ April. Sa mill-bidu tal-episkopat tiegħu, episkopat li dam 29 sena sħaħ, mimli bl-ispirtu ta’ San Benedittu ħadem bex waqt li jżomm dak kollu li kien tajjeb jirriforma u jbiddel dak kollu li kien meħtieġ għall-ġid tal-Knisja f’Malta. Kellu ħafna għal qalbu lill-kleru u lir-religjużi u ħadem bis-sħiħ biex jgħolli aktar ir-rispett tal-poplu Malti lejn il-kleru u r-religjużi tiegħu. Huwa ma qagħadx lura li jagħmel riforma fis-Seminarju kif ukoll fil-Kurja fejn waqqaf uffiċċji ġodda ħalli tkun aktar effiċjenti fit-tmexxija tad-djoċesi.
L-lsqof Caruana kellu ħafna għal qalbu lill-familja Maltija u kien jinsisti ħafna fuq id-dmir tal-ġenituri fit-trobbija nisranija ta’ wliedhom. Huwa kien jinkoraġġixxi ħafna l-għaqdiet Kattoliċi, speċjalment l-Azzjoni Kattolika u s-Soċjetà tad-Duttrina tal-Museum, li dejjem wera għożża kbira lejhom. L-Isqof Caruana mill-ewwel fehem l-importanza tal-ġurnalizmu Kattoliku u kien hu li waqqaf il-ġurnal Kattoliku “Leħen is-Sewwa,” u kien fi żmienu wkoll li bdew jiġu ppublikati l-”Malta Missjunarja” u r-rivista tal-kleru “Luċerna”.
L-Isqof Caruana, li fi żmienu kien hawn ħafna faqar, minbarra l-karitajiet kbar li kien jagħti, ħadem biex jgħin lill-batuti u waqqaf fond speċjali għall-għajnuna ta’ dawk li kienu fil-bżonn li bilkemm setgħu jixtru l-ħobża ta’ kuljum, kif ukoll fond ieħor fil-parroċċi kollha biex jgħin lill-ħaddiema Maltin jitgħallmu aktar dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u jtejbu l-kundizzjoni soċjali tagħhom. L-Isqof Caruana bħala Benedittin ma setax jonqos li jisħaq fuq id-dekor tal-funzjonijiet sagri, il-kant u t-tiżjin fil-knejjes, u għal dan il-għan waqqaf ġrupp b’nies esperti biex jagħtuh pariri għal kull tibdil li jsir fil-knejjes.
Fuq kollox, l-Isqof Dom Mauro Caruana baqa’ sa l-aħħar reliġjuż Benedittin u ta’ kuljum kien jaqra r-regola ta’ San Benedittu, u kien dejjem jittama li xi darba jmur lura fil-monasteru ta’ Fort Augustus għax kienet dejjem xewqa tiegħu li jibqa’ jgħix ta’ Benedittin. Bħala Isqof Benedittin kien jgħaxxaq lil kulħadd bl-eżattezza tiegħu fiċ-ċerimonji u l-kant waqt il-pontifikali u l-amministrazzjoni tas-sagramenti. Huwa kien devot kbir tal-Ewkaristija u kull meta kien imur iżur il-knisja l-gdida ta’ San Girgor f’Tas Sliema li hu stess kien bena, għal ħin twil kont tarah jitlob quddiem Ġesù Sagramentat u quddiem ix-xbieha ta’ Ġesù Msallab. Kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna u waqt l-episkopat tiegħu kien ikkonsagra lid-djoċesi tagħna lill-Qalb Immakulata ta’ Marija. L-Isqof Dom Mauru Caruana miet wara marda twila fis-17 ta’ Diċembru 1943, waqt il-gwerra, fl-età ta’ 76 sena.
Mill-ktejjeb “Il-frott tagħhom jibqa’…”, kitba tar-Rev. Kan. John Ciarlò, pubblikazzjoni tas-Seminarju tal-Arċisqof, 2000