Is-Sena Intermedjarja hija waħda partikolari għal kull seminarista. Dan għaliex fiha wieħed jara iżjed b’għajnejh il-bżonnijiet tan-nies u x-xewqa kbira li għandhom għal Alla (anki jekk mhux konxji jew jirreżistuH) u għalhekk il-bżonn tal-persuna ta’ Ġesù fil-ħajja tagħhom u kif ser jasal għandhom u jesperjenzawh.
Is-sena barra bdiet bl-esperjenza ġewwa l-bank lokali APS fejn kelli l-irwol ta’ Contact Centre Officer. Kien xogħol li permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni laqqagħni man-nies bil-problemi finanzjarji tagħhom, u anke mal-mod ta’ kif huma jirrelataw magħna l-impjegati. Iltqajt ukoll mal-ħaddiema l-oħra, mat-tlajja’ u l-inżul f’ħajjithom. Dan iżjed urieni b’mod prattiku l-imħabba u l-għatx li l-bniedem, hu min hu u hu fejn hu, għandu għal Alla speċjalment bil-mistoqsijiet li kienu jistaqsu ġenwinament.
Wara dan iż-żmien ta’ ħidma, is-sena barra kompliet bil-vjaġġ ġewwa Ġerusalemm u l-Art Imqaddsa fl-Iżrael u l-Palestina. Kien żmien li għalkemm inqata’ ħesrem f’nofsu minħabba l-pandemija tal-Covid-19, għallimni u tani ħafna.
Apprezzajt u kabbart l-imħabba lejn l-Art li terraq fiha Ġesù. Stajt nara iżjed u għext l-għaqda fostna l-Insara u r-realtà ta’ twemmin ieħor bħal Ġudajiżmu u l-Iżlam. Ħdimt ma’ nies li huma wkoll għandhom l-għatx għat-traxxendent u s-sopranaturali. Kien żmien fejn rajt rispett kbir mingħand dawn il-persuni. Fuq kollox stajt napprezza iżjed l-Iskrittura Mqaddsa, meta rajt u għext fihom, il-postijiet li l-Awturi Sagri kitbu fuqhom f’kitbiethom. Ukoll, rajt, apprezzajt u tgħallimt iżjed dwar l-għeruq Lhud tagħna l-Insara.
Kienet sena li minkejja l-partikolaritajiet tagħha, minħabba l-pandemija li feġġet fid-dinja, kienet waħda fejn stajt nikber iżjed bħala seminarista, fir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla, miegħi nnifsi u mal-oħrajn.