Awtorità fil-Qadi

EVANĠELJU Mk 10:35-45
Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.
Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. ”Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu
.

Riflessjoni

“Iddomina fuq ħaddieħor! Fejn ma tasalx bil-kelma t-tajba, uża l-forza! Aħkem qabel jaħkmuk! Ifred u saltan! Ġib lil min jaqdik biex ma jirkbukx in-nies!” Dawn huma xi wħud mill-kmandamenti li l-kultura individwalista ta’ żmienna tiddettalna. Tassew li m’hemm xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx għax anke Ġakbu u Ġwanni kienu mmexxija minn din il-mentalità f’kultura u żmien tant imbiegħed minn tagħna.

Imma Ġesù jgħallem triq oħra: “Bin il-Bniedem,” jgħidilhom, “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

Kliem Ġesù jisfidana biex nifhmu li s-saltna li ġie biex jawgura, u li fiha ż-żewġ dixxipli u l-għaxra l-oħra lkoll xtaqu li jkollhom pożizzjoni ta’ poter li ma tintrebaħx bil-mod kif tiddetta d-dinja. Lanqas ma jfisser li ssir tapit ta’ ħaddieħor. Ifisser li tagħmel tiegħek il-mod uniku ta’ Ġesù.

Il-mod ta’ Ġesù huwa t-triq tal-qadi u tal-imħabba, tal-maħfra u tas-smigħ, tal-fraġilità u tal-vulnerabbilità. F’għajnejn id-dinja, dan jidher qisu telf. Imma meta mdawwla mid-dawl tas-salib u l-qawmien ta’ Ġesù dan jissarraf fit-twettiq tas-Saltna ta’ Alla fuq din l-art.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek:

“Xi triduni nagħmlilkom?”


“Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien.”


“Li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.”

Talba
Missier, agħtina l-grazzja li x-xogħol u l-awtorità li tafda f’idejna jkunu ġejjin mill-qalb b’sens ta’ qadi bħalma għex Ibnek Ġesù fuq din l-art. Ammen.