EVANĠELJU Mk 12:28b-34
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.
Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.
Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Riflessjoni
Bil-kuntrarju għall-Fariżej, is-Sadduċej u l-kittieba l-oħra, ir-raġel li qed jippreżenta l-Vanġelu javviċina lil Ġesù b’rieda tajba u sinċerità. Ried jiċċara punt li ta’ sikwit kienu jiddiskutuh il-kittieba: ‘Liema huwa l-kmandament l-iżjed importanti jew li jiġi l-ewwel?’
“Isma’”: Ġesù qed jirrepeti dik l-ewwel silta mill-Iskrittura li kull tifel Iżraelita kien jitgħallem bl-amment. B’fedeltà għad-Dewteronomju, il-Lhudi devot kien itenni din il-frażi tal-inqas kull filgħodu u filgħaxija. Dak li għandna fil-Vanġelu huwa mixja: mis-Smigħ “Isma’ Iżrael”, għall-għarfien, “Il-Mulej wieħed hu” u mill-għarfien għall-imħabba, “Ħobb lill-Mulej…”.
It-termini ‘qalb’, ‘ruħ’, ‘moħħ’ u ‘qawwa’ huma erba’ termini li juża Ġesù, li meta tarahom flimkien jirreferu għall-persuna sħiħa. L-użu tal-kelma “kollha” ma’ kull wieħed minn dawn it-termini juru t-totalità li wieħed għandu jagħti. Li tagħti l-imħabba lil Alla b’mod totali.
L-imħabba lejn il-proxxmu espress f’dan il-kmandament il-kbir tesprimih tant tajjeb ħafna snin wara, Santa Tereża ta’ Lisieux meta tgħid li l-imħabba lejn il-proxxmu hi t-termometru ta’ kemm inħobbu lil Alla.
Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek:
- Kemm qiegħed nisma’ lil ħaddieħor?
- Ninsab dispost biex nisma’ l-leħen ta’ Alla?
- Nagħraf li l-Mulej huwa wieħed?
- Kif inħobb lill-proxxmu tiegħi? Kemm qed ningħata?
- F’hiex ninsab fl-imħabba tiegħi lejn Alla?
Talba
Missier, agħtini l-grazzja li nagħraf bil-bżonnijiet ta’ ħaddieħor. Agħtini sens ta’ widen għal dawk kollha li jeħtieġu min jismagħhom. Għinni biex qalbi, ruħi, moħħi u qawwieti noffriha għalik u għal dawk kollha li tippreżentali. Ammen.