“Mgħallem, agħmel li nara”

EVANĠELJU Mk 10:46-52
Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.

Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.

U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.


Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Dan ir-rakkont insibuh fit-tliet vanġeli sinottiċi qabel id-daħla f’Ġerusalemm. Fil-Liturġija tal-Ħadd, il-Knisja tippreżentalna l-verżjoni ta’ San Mark biss. Huwa wkoll l-uniku Vanġelu li lil dan l-għama, l-awtur itih isem: “Bartimew, bin Timew”.  L-isem jindika sejħa, is-sejħa għad-dixxipulat. L-isem Bartimew, bin Timew, ifisser “bin l-onorat” li bħala tallab għami, żgur li tistona!

Dan l-għama qed jipprova jagħmel li jista’: li jittallab. Hu kien jaf il-limiti tiegħu, jiġifieri li jixtieq li jara u kien attent u jistenna. Malli sama’ li kien għaddej Ġesù ta’ Nażaret, kien proattiv u beda jgħajjat u jgħid: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni”. Hu interessanti li l-għama tallab, bin l-onorat, jara f’Ġesù l-Messija… Bin David… u ma jitolbu xejn ħlief ħniena.

Dan it-tallab b’xi mod kien jaf xi jmiss il-qalb t’Alla. Kien jaf eżatt x’inhi l-vulnerabbiltà t’Alla, il-weak spot tiegħu biex ngħidu hekk: it-talba għall-ħniena u b’persistenza bħat-tfal żgħar meta jkollhom bżonn xi ħaġa urġenti, ikunu persistenti fl-għajta tagħhom. Għalhekk l-għama hu persisteni għax kien jaf x’għandu bżonn u mingħand min jista’ jaqdih f’dan il-bżonn.

Qalb il-kaos u l-għajjat, Ġesù jieqaf u jgħid lid-dixxipli: “Sejħulu.” Huma sejħu l-għama u qalulu: “Agħmel  il-qalb!  Qum,  qiegħed  isejjaħlek.”  (Mk 10,49). Kemm hi sabiħa l-libertà ta’ Ġesù fejn ma jieħu lil ħadd for granted. L-għama hawn jurih il-bżonn tiegħu: “Li nerġa nara, Rabbuni”. Huwa kellu din it-tama tant sabiħa fil-ħniena t’Alla li Ġesù seta’ jtih li tfejqu l-fidi tiegħu stess.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek:

  • Ninduna li hemm għamad f’ħajti?

  • Qiegħed attent li jkolli din l-attitudni ta’ smigħ?

  • Attent għal meta Gesù jkun għaddej mal-folla fit-triq ta’ ħajti?

  • Il-folla min hi f’ħajtek?

  • Qatt kelli għarfien ta’ Ġesù jsaqsini “xi tridni nagħmillek”?

Talba
Missier, agħtina l-grazzja li ninduna dak kollu li għandi mudlam u mċajpar f’ħajti. Għinni biex bħall-għama, ikolli l-perseveranza li ninħeles minn dak li jfixkilni permezz tal-fidi li ssalvani. Ammen.

Din ilLectio Divina ġiet indirizzata lill-komunità tas-Seminarju mis-Sinjura Louise Laferla.