“Tan-niket il-Hena”

EVANĠELJU Mk 13:24-32
Qari mill-Evanġelju skont San Mark


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.


Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.


Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu
.

Riflessjoni

L-ewwel ħaġa li ġietni f’moħħi meta qrajt din is-silta għall-ewwel darba hi l-famuża frażi ta’ Dun Karm minn ’Tina l-Ħlewwa, “tan-niket il-hena.”

Kif qrajna f’dawn l-aħħar Ħdud (mill-esperjenza tal-Profeta Ġeremija, per eżempju), id-diffikultajiet u t-tbatijiet marbuta mal-eżilju jinbidlu f’deskrizzjonijiet ta’ poplu li sejjer lura d-dar qawwi u sħiħ, u sħiħ għax reġa’ sar poplu. Id-dwejjaq u n-niket jinbidlu f’għanjiet ta’ tifħir u hena. L-imġieba korrotta tagħhom tinbidel, u ssir saħansitra l-punt li Alla juża biex il-poplu stess ma jitfixkilx. Tassew, fejn kotor il-baħħ u d-dnub, kotrot fuq li kotrot il-Grazzja.

Din is-silta, għalhekk, tkellimna kemm fuq il-ħajja ta’ issa kif ukoll fuq il-ħajja ta’ dejjem. It-tmiem ifakkarna fil-bidu: ix-xemx, il-qamar, l-istilel sa mill-ewwel paġna tal-Ġenesi jagħtu d-dawl u l-ordni. Issa għandna d-dlam u l-kaos, li jista’ jintrebaħ biss minn Bin il-Bniedem, b’wiċċu jiddi bid-dawl u bl-imħabba. Fil-laqgħa tagħna miegħu naraw lilu u lilna nfusna kif tassew aħna. Kif tfakkarna l-parabbola tas-siġra tat-tin, il-perspettiva tal-ħajja ta’ dejjem ma għandhiex itellifna milli ngħixu l-ħajja preżenti, iżda tgħinna nħarsu lejn dawn il-jiem b’abitudni ta’ Tama.

Il-lectio mmexxijja mir-Rev. Jean Claude Attard ġewwa l-kripta ta’ San Pawl, ir-Rabat.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek:

1. Kapaċi nara lil hinn mid-dwejjaq ta’ issa, bit-tama li l-hena tassew huwa frott in-niket, ir-reżiljenza u s-sabar?

2. Kif nista’ nitgħallem aktar naqra s-sinjali taż-żminijiet, u kif nista’ nikkontribwixxi għall-komunità li – waqt li ma tinġarrx mit-tendenzi taż-żminijiet – tkun tista’ twieġeb aktar għas-sinjali taż-żminijiet?

3. Niflaħ nieqaf quddiem il-miġja – u l-ħarsa ta’ Ġesù?

Talba
Nitolbuk, Mulej, Alla tagħna, agħtina li dejjem inġarrbu l-ferħ tar-rabta tagħna miegħek, għax l-hena sħiħ u bla tmiem jinsab filli dejjem naqdu lilek, li minnek jiġina kull ġid. Amen