It-Tielet Ħadd tal-Avvent

EVANĠELJU Lq 3:10-18
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Riflessjoni

Il-Vanġelu tat-Tielet Ħadd huwa meħud mill-istess kapitlu tal-Vanġelu tat-Tieni Ħadd – mit-tielet kapitlu skont San Luqa. In-nies, il-pubblikani u s-suldati kolla jagħmlu l-istess domanda lill-Ġwanni l-Battista, ‘X’għandna nagħmlu?’ Ir-risposta ta’ Ġwanni hija dejjem waħda li titlob l-imħabba. Lin-nies jgħidilhom jaqsmu ma’ min m’għandux, lill-pubblikani biex ma jisirqux u lis-suldati biex ma jabbużawx mill-poter tagħhom. Il-poplu li mar biex jitgħammed jagħmel din id-domanda li aħna l-imgħammdin ukoll irridu nagħmlu ta’ kuljum. Kuljum il-Vanġelu qiegħed jistedinni nistaqsi, ‘U jien illum x’għandi nagħmel biex inħobb u ngħix il-magħmudija tiegħi fil-konkret?’

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek:

‘Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan.’ Il-ħajja u l-kliem ta’ Ġwanni il-Battista kien qanqal xewqa u żelu għall-messija.

Jien ukoll irrid nistaqsi, ‘Hemm fija xewqa u żelu għall-Kristu?

U dan iż-żelu u l-ħerqa li hemm fija qegħdin iħallu dan l-istess frott f’dawk ta’ madwari?’