Folji minn Album ta’ Tieġ

EVANĠELJU Ġw 2:1-1

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Inbid ġdid, minn dak il-fin u mogħti b’abbundanza! Tista’ timmaġina kif inbidlet mil-lejl għan-nhar ix-xorti ta’ dik il-koppja li propju fil-festa tat-tieġ tagħhom nixef l-inbid u ntemm ħesrem il-ferħ.

Il-qalb  ta’ Marija kienet sensittiva għall-kriżi ta’ din il-koppja: l-inbid, jiġifieri l-ferħ, kien nixef. Ma qagħditx tqassas u titkaża. Ma qagħditx tipprova tiġġustifika l-fatt b’ħafna bi statistiċi, teoriji u trends soċjali.

Minflok, Marija għamlet xi ħaġa.

Marret dritt għand Ġesù biex tlissen (minn taħt l-ilsien biex ma tagħmilx xena bihom), “Ibni, ma għandhomx inbid.”

Imbagħad dawk is-sitt ġarar. Veru, rozzi għax tal-ħaġar imma mimlijin bl-ilma sa fuq nett kważi se jfuru! Tistħajjilhom qalb il-bniedem li minkejja d-dgħufijiet u l-limitazzjonijiet disposta huma ġenerużi ma’ Alla.

Dak l-Għarus li waħdu jbiddel dak li jidher ordinarju u insipidu f’għeġubijiet straordinarji; u dan biss għal min, bħal somelier prim, jaf jagħrafhom.

Tistħajjel li hija ħrafa, imma mhijiex!

Għax hija l-istorja tal-imħabba tiegħi u tiegħek. L-għerusija ta’ bejn Alla u l-umanità. Bejn Ġesù u l-Knisja. Bejn is-saċerdot u l-komunità. Jissarraf f’hena li jimla l-qalb tal-bniedem, li jsakkar lil min iduqu, u li wieħed jitlef lilu nnifsu fih.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

  • Kemm qed inkun sensittiv għall-ħtiġijiet tal-oħrajn?

  • Kif tħoss li Alla qed ikellmek permezz ta’ din is-silta?

  • Kemm qiegħed tagħraf l-imħabba li Kristu għandu għalik, anke fl-iċken affarijiet?