Is-Seba’ Ħadd matul is-Sena Ċ

Fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla

EVANĠELJU Lq 6:27-38
Qari mill-Evanġelju Mqaddes skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.

R./ Tiħfir lilek Kristu.

I. Ġesù jmiss il-qalb tagħna

F’din is-silta meħuda minn San Luqa, m’għandniex nifhmu dan id-diskors ta’ Ġesù f’sens moralistiku, jiġifieri x’għandi nagħmel jew x’ ma għandix nagħmel imma din is-silta għandha tinqara fid-dawl tal-ġenerożità immensa ta’ Alla. Ġesù ma jtiniex sempliċiment regola li fuqha għandna nimxu imma Hu jmiss il-qalb tagħna bil-ħniena mmensa tiegħu u  jaħslilna riġlejna bi gratwità kbira għaliex hu jitlob lill-Missier jaħfrilna. Hu jagħtina l-Ispirtu tiegħu li jfejjaq lil qalbna u jitlob minna li nilqgħu l-imħabba tiegħu.

II. Fidi li aħna maħbuba

Jekk ma nilqgħuhx din il-ħniena tiegħu, it-tendenza fina hi li nkunu rridu niddefendu lilna nfusna akkost ta’ kollox permezz ta’ rieda qawwija. Ġesù ma jsejħilniex, primarjament, biex ikollna r-rieda qawwija li nħobbu, imma li l-ewwelnett, nemmnu u nagħrfu l-imħabba mmensa u tenera tiegħu għalina. Għalhekk, l-għerq tal-imħabba tagħna mhijiex ir-rieda li nħobbu imma l-fidi li aħna maħbuba.

III. Is-sejħa li nħobbu fil-konkret

Minn hawn tiġi s-sejħa li nagħtu xhieda għal din l-imħabba ħanina u miġnuna ta’ Alla lejna. Grati lejn il-Mulej Ġesù, li tant iħobbna, u magħqudin miegħu, aħna nħobbu lill-persuni li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna b’mod li jixbah il-mod straordinarju li bih aħna maħbuba. Aħna maħbuba bis-serjetà u b’ċertezza assoluta, u msejħa nħobbu b’mod li juri dan il-fatt kontinwu fil-konkret.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

  • Temmen li inti maħbub minn Alla?

  • X’jimla l-qalb tiegħek?

  • Kif qed tħobb b’mod konkret?