Nidħol fil-preżenza ta’ Alla: Spirtu s-Santu Alla, dawwal is-sensi u kebbes il-qalb tal-iskulari tiegħek. Ammen.
EVANĠELJU Lq 6:39-45
Qari mill-Evanġelju Mqaddes skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: “Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek”, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Nidħlu fil-kuntest tas-silta
Din is-silta tirrifletti sitwazzjonjiet fi ħdan il-komunità li minnha ħareġ l-Evanġelju ta’ San Luqa, u li jistgħu jinqalgħu f’kull post fejn il-bniedem huwa preżenti. Nistgħu naqsmuha f’erba’ partijiet prinċipali, l-ewwel: il-parabbola tal-għama li jmexxi għama ieħor, id-dixxiplu u l-imgħallem tiegħu, it-tibna u t-travu f’għajnejna u dik tas-siġra li tingħaraf mill-frott tagħha.
1. “Jista’ għama jmexxi għama ieħor?”
Ġesù jsemmi l-ewwelnett il-ġudizzju – dak li jinbet ġewwa fina, dak li aħna nagħmlu fuq l-oħrajn f’qalbna qabel ma nesprimuh fi kliemna. Dawn l-għomja jistgħu jkunu l-istess dixxipli meta jqiegħdu lilhom infushom flok l-Imgħallem tagħhom.
Id-dixxiplu jrid jinkarna fih il-ħajja ta’ Kristu biex ikun jista’, b’għajnejh miftuħa, jirrifletti l-wiċċ ta’ Alla. B’hekk biss ikun jista’ jgħin oħrajn jiftħu għajnejhom għad-dawl ta’ Kristu u jibdlu l-immaġini ħażina Fariżajka t’Alla.
2. “Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu”
Id-dixxiplu, hu min hu, għaref kemm jista’ jkun għaref, irid jibqa’ jirreferi għat-tagħlim tal-Imgħallem. Ma jistax jibqa’ jsus wara dak li jaħseb li hu tajjeb għalih jew għall-oħrajn iżda jfittex ir-rieda ta’ Ġesù.
Inżommu l-umiltà bħala virtù li jżommna fuq l-istess livell ta’ Ġesù – Alla li xxejjen u sar bniedem bħalna, minbarra fid-dnub. B’hekk insiru Kristu ieħor, mhux għalina iżda biex inwassluh lil oħrajn.
Qabel kull ħaġa oħra, jeħtieġ li nikkonsultaw ma’ Alla fit-talb!
3. “Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?”
Din it-tieni parabbola titkellem dwar il-korrezzjoni fraterna – tal-aħwa. Kif għandi nġib ruħi quddiem l-iżbalji tal-oħrajn? Ġesù, li jifhem dak kollu li jkun mistur ġewwa fina, jgħidilna: “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom”. Bl-istess mod kif il-Missier ġab ruħu magħna, aħna wkoll irridu naddottaw l-istess attitudni: bi mħabba, ħlewwa, tenerezza, ħniena, lealtà, fehma, ubbidjenza u iktar virtujiet li Ġesù mmanifestahom fuq is-Salib.
Minflok nintilef f’ġudizzji, malafami, ħsibijiet frivoli u fiergħa, ikun jaqbel iktar jekk nagħraf id-difetti tiegħi u dak li lili jostakolani milli nimxi din il-mixja ta’ konverżjoni. Kif nagħraf dawn in-nuqqasijiet, nesperjenza din il-ħniena u l-imħabba tal-Missier, u nirringrazzjah b’ferħ kbir. Kif jgħid il-Papa Franġisku, huwa diffiċli li wieħed juri ħniena jekk qatt ma esperjenza l-ħniena ta’ Alla.
4. Kif se nagħraf l-imgħallmin it-tajbin mill-ħżiena fil-komunità Nisranija?
“M’hemmx siġra tajba (sabiħa) li tagħmel frott ħażin … Kull siġra tingħaraf mill-istess frott tagħha.” Luqa jippreżentalna din l-idea li dawk li għandhom l-għeruq tagħhom fil-Vanġelu, dawn il-messaġġi se jħallu frott bnin u sabiħ; dawk li jgħawġu, inaqqsu jew b’xi mod ibiddlu s-sens tal-Vanġelu ma jkunux jistgħu jħallu frott tajjeb u sabiħ.
Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek
- Kemm jien konxju min-nuqqasijiet tiegħi?
- Kemm jien xhieda tal-ħniena ta’ Alla, jien u nirrelata ma’ ħaddieħor?
- Kemm qed nafda li t-toroq tal-Mulej se jsalvawni?
Glorja lill-Missier …