Paternità, tenerezza u doċilità

Ġesù esperjenza l-paternità umana permezz ta’ San Ġużepp. Hu spiss uża l-figura tal-Missier fil-parabboli tiegħu. Żgur li f’moħħu kellu lil San Ġużepp meta tkellem dwar il-missier ħanin fil-parabbola tal-Iben il-Ħali. 

Id-dinja tgħallimna li l-imħabba trid tkun mistħoqqa. Imma Ġesù jitkellem dwar imħabba differenti li hi gratwita u, għalhekk, li ssalva. Din hi mħabba tenera, li tagħraf tagħmel lilha nfisha vulnerabbli u li taħfer lil hinn minn kull kalkolu. Żgur li San Ġużepp kien hekk u li Ġesù ra dan b’għajnejh. Min jaf kemm Ġesù u Marija ħassew lil Ġużeppi bħala sostenn qawwi imma fl-istess ħin teneru u doċli magħhom. Min jaf kemm Ġesù ra lil missieru jitratta lin-nies li jiġu għandu għax-xogħol b’mod delikat, rispettuż u ħanin. Min jaf kemm San Ġużepp ħares lejn min kien quddiemu b’għajnejn sensittivi u miftuħa għall-bżonnijiet tagħhom, jipprova jifhem u jagħder. Dan hu li Ġesù ppreżenta fil-parabboli tiegħu u dan hu li aħna msejħa li ngħixu. Kemm għandna bżonn li nibnu relazzjonijiet pożittivi li jgħinuna napprezzaw kif Alla jħobb. 

Kemm għandna bżonn nikbru f’sens ta’ paternità jew maternità sana, tenerezza u doċilità fir-relazzjonijiet tagħna. Meta aħna nibnu relazzjonijiet sani madwarna dawn jgħinuna nagħrfu l-imħabba ta’ Alla għalina. Mhux li kien li, bħala nsara, nibnu relazzjonijiet sbieħ ma’ dawk ta’ madwarna! Inħarsu lejn San Ġużepp li għaraf jagħmel dan u nitolbuh jidħol għalina biex nikbru f’din il-kapaċità aħna lkoll.