Bħala Knisja forsi nsibu lilna nfusna bla tama quddiem diversi diffikultajiet u tbatijiet. Xi kultant inħossuna li għalkemm aħna niżirgħu u nsaqqu, inkunu qed nagħmlu dan għalxejn. Imma bħalma jgħid San Pawl, Alla huwa li jkabbar, u fl-aħħar mill-aħħar għandna nittamaw fih.
Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Jien nittama, għandi t-tama, għax Alla jimxi miegħi”. Alla jimxi magħna u ma jitlaqniex waħedna.
Ftit ilu saċerdot ġabar dan kollu fi frażi waħda, “Meta tħossok qed tagħżaq fl-ilma, tittama li għall-inqas jikber ir-ross.” Bħala Knisja għandna npoġġu tamitna fl-uniku Salvatur tal-bnedmin kollha, li hu Alla l-ħaj.