It-Tielet Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Nidħol fil-preżenza ta’ Alla: Spirtu s-Santu Alla, dawwal is-sensi u kebbes il-qalb tal-iskulari tiegħek. Ammen.

EVANĠELJU Lq 13:1-9
Qari mill-Evanġelju Mqaddes skont San Luqa

F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

1. It-tbatija u l-mewt huma riżultat tad-dnub?

Fl-ewwel biċċa tas-silta nsibu dan il-massakru tal-Galilin minn Ponzju Pilatu. Dan Pilatu mhux biss qatel lil-Lhud imma wkoll ħallat demmhom mad-demm tas-sagrifiċċju li kienu qed joffru fit-tempju. Il-punt li Ġesù jiġi għalih fil-mistoqsija tiegħu hija li t-tbatija u l-mewt ta’ dawn il-Galilin mhux neċessarjament kienet riżultat tad-dnub tagħhom. Dik li nsejħulha t-teoloġija tar-retribuzzjoni (theology of retribution) fejn uħud jaħsbu (u din kienet ħaġa komuni ħafna fi żmien Ġesù) li t-tbatija u l-mewt huma r-riżultat tad-dnub li jkun għamel il-persuna. U Ġesù hawnhekk bħal donnu qiegħed jgħid lin-nies, ‘le ma ġralhomx li ġralhom bħala kastig għaliex għamlu xi ħaġa ħażina MADANAKOLLU jekk ma tindmux intom ukoll bħalhom tintilfu’.

“nerġgħu niġġeddu u neżaminaw lilna nfusna”

2. Kif se ninbidel?

Qegħdin fit-3 Ħadd tar-Randan Imqaddes u jekk s’issa għadna ma rajniex tibdil fil-ħajja tagħna jew inkella qegħdin nillaxkaw fid-dixxiplina spiritwali li ħadna bħala commitment jew fil-penitenza li bdejna fil-bidu tar-Randan, issa huwa ż-żmien it-tajjeb biex nerġgħu niġġeddu u neżaminaw lilna nfusna u nsaqsu mistoqsijiet li forsi jiskomodawna.

Ninnutaw li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika numru 1431 jgħid li l-penitenza jew l-indiema tinvolvi l-bidla radikali ta’ ħajjitna lejn Alla, b’qalbna kollha u l-ħeġġa sabiex nieqfu mid-dnub u minn dak li hu ħażin. Allura hija kelma verament sabiħa li qed torjentana mill-ħażin għat-tajjeb għal dak li hu s-Sabiħ, it-Tajjeb, il-Qaddis: għal Alla. Tfisser li nneħħu l-ktajjen tad-dnub u ngħixu ħajja libera ta’ sbuħija, ta’ hena, li Kristu ġie jġibilna.

Kollu kliem sabiħ dan u li fil-fond ta’ qalbna nemmnuh u rridu ngħixuh, imma l-parti diffiċli għalina hija hawn: li ngħidu li żbaljajna, li għamilna ħażin, li nidraw nobgħodu l-affarijiet li għamilna ħażin jew li jwaqqgħuna fid-dnub. Din hija speċjalment diffiċli meta aħna kburin, meta nkunu rridu stima tagħna nfusna, meta titla’ għal rasna l-kburija (il-pride), meta aħna nissuppervjaw, meta nagħmlu ta’ rasna.

3. L-indiema, il-bidla, il-konverżjoni …

Tajjeb niftakru wkoll li d-dieqa spiritwali (li tinduna li mingħajr Alla m’hemmx hena) u l-penitenza u l-indiema (ix-xewqa li nibdlu ħajjitna għall-aħjar) huma reazzjonijiet sani tagħna lejn id-dnub u l-ħażen. Huma espressjoni tax-xenqa tagħna għal Alla u għall-imħabba tiegħu. Huwa dak li nagħmlu ħażin f’ħajjitna li huwa ta’ dannu għalina u mhux il-PENITENZA u l-INDIEMA.

Fi kliem ieħor Ġesù qiegħed jgħidilna: Sakemm ma tindimx, sakemm ma tinbidilx, sakemm ma tikkonvertix lill-qalbek lejn Alla, sakemm ma ddawwarx wiċċek lil dak li hu ħażin, sakemm ma tieqafx tagħmel dak li hu ta’ deni għalik u għal ta’ madwarek, sakemm ma titgħallimx tobgħod id-dnub tiegħek iżjed minn kull dnub ta’ ħaddieħor inti ser TINTILEF ukoll! B’hekk inti mhux ser tkun kapaċi tagħmel il-frott bħal din is-siġra tat-tin. U Alla l-Imbierek ħalaqna f’din id-dinja sabiex nagħmlu l-frott, sabiex inħobbuh fuq kollox u fuq kulħadd u sabiex inkunu nistgħu nħobbu lill-għajrna (lill-proxxmu) bħalna nfusna.

Naħseb din hi t-tifsira vera tar-Randan Imqaddes. Żmien biex niffertilizzaw (nagħtu d-demel) il-ħamrija, naqtgħu il-friegħi ħżiena u nippruvaw nagħmlu aktar frott u frott tajjeb permezz tal-grazzja ta’ Alla.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

  • X’inhuma d-dnubiet f’ħajti li rrid inħalli sabiex nagħmel il-frott u frott tajjeb?

  • X’irrid nagħmel jiena personali sabiex ma jiġrilix bħal dawk il-Galilin jew dawk in-nies ta’ Ġerusalemm li ħajjithom intemmet ħabta u sabta u  ma kellhomx iż-żmien biex jindmu u jagħmlu l-frott?

  • B’sobgħa u ndiema kbira (fis-sens kollu li semmejt li hi l-INDIEMA) inħarsu lura u naraw fejn drabna (we wounded others), weġġajna lill-oħrajn lil xi ħadd u li verament ikollna dispjaċir tagħhom u li verament irridu inwaqqfu u ma nerġgħux nirrepetu dawn id-dnubiet.

Mulej Ġesù Kristu, filwaqt li aħna nbierku lil Ismek nitolbuk li ttina qalb miftuħa għal dak li hu Qaddis, għalik! Tina qalb ta’ penitenza u ndiema ħalli qalbna ddur minn dak li hu ħażin u ddur lejk. Kun is-sid u l-mexxej ta’ qalbna, moħħna, ġisimna u ruħna. Jalla dejjem infittxu li nagħmlu r-rieda tiegħek u li nagħmlu l-frott u frott tajjeb. Glorja…