Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Lq 15:1-3.11-32
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”
U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”.
U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
Imbagħad daħal fih innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’.
Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’.
Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.
Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek, Kristu
Wieħed mill-metodi li Ġesù juża biex jgħallem prinċipji bibliċi hu li jirrakkonta stejjer li jgħoddu għan-nies kollha li jisimgħuh. Il-parabbola tal-iben il-ħali u ħuh il-kbir hija storja bi prinċipji li Ġesù irid jgħaddi lin-nies biex jitgħallmu u japplikaw din il-parabbola għal ħajjithom. L-għan ta’ din il-parabbola hija li tgħallem il-maħfra, l-għerf tal-missier u l-importanza taċ-ċelebrazzjoni. Din is-silta hija allegorika, realistika u rikka f’kull dettall.
Ir-relazzjonijiet faċli jitkissru meta l-imħabba toffri sfida u għalhekk li ngħixu f’ribelljoni hija tentazzjoni li tinsab fil-qlub tagħna. Dan hu sinjal ta’ mħabba infantili li trid l-affezzjoni mingħajr responsabbiltà u l-imħabba kompetittiva tal-adolexxent li dejjem jiribella u dejjem jiċħad kull forma ta’ awtorità. Huma żewġ forom fqar ta’ mħabba li jippersistu f’qalbna u li għandhom bżonn ta’ rikonċiljazzjoni. L-imħabba teħtieġ li nieħdu impenn u ħafna drabi wieħed ikollu jitlef lilu nnifsu biex verament iħobb. Imma billi ngħixu f’din it-telfa, niskopru lil Alla li jfittixna. L-iben iż-żgħir jippreżenta lil dawk il-koppji li joħonqu r-relazzjonijiet: iridu jħobbu, iżda mingħajr impenn u mingħajr restrizzjonijiet. Il-Missier hu dak li jaffaċċja r-rabja u ċ-ċaħda. Hu ma jinjorax it-tbatija tal-iben il-kbir. Il-Missier juri l-vulnerabbiltà tiegħu: jissostitwixxi ‘l-qatt’ ‘b’dejjem’ (int dejjem miegħi), jgħin lil ibnu jara l-affarijiet kif verament huma: hu jaqsam kollox b’mod ugwali.
Din il-parabbola ma tasalx għal konklużjoni għax il-bieb tal-qalb tal-Missier huwa dejjem miftuħ għalina. L-iben il-kbir għandu l-għażla… imma speċjalment int li qed taqra mistieden tikteb it-tmiem tiegħek għal din il-parabbola.
Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek
- Kif tispiċċa din il-parabbola? X’se jagħmel l-iben il-kbir?
- X’tgħallimt dwar min hu tassew il-Missier?
- X’qiegħed nagħmel f’dan ir-Randan biex niskopri fil-ħajja ta’ kuljum din l-imħabba ta’ Alla?
Nitolbu
Sinjur Alla, nitolbuk biex matul dan ir-Randan imqaddes nilqgħu dejjem aktar bil-qalb il-Kelma tiegħek, sabiex nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, u bl-għajnuna tiegħu ikollna sehem fil-ferħ tiegħu. Ammen.