Nibdlu d-dinja jew id-dinja tibdilna?

EVANĠELJU Lq 4:1-13
Qari mill-Evanġelju Mqaddes skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.

Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Riflessjoni

Ġesù jikkwota mit-Torah għall-ewwel żewġ tentazzjonijiet tax-Xitan, kemm biex jenfasizza li l-bniedem mhuwiex biss mmarkat u sostnut minn dak li hu fiżiku u materjali, kif ukoll biex jisħaq li s-servizz veru għandu jintrefa’, jitħalla u jingħata lis-sors aħħari tal-ħajja, Alla l-ħallieq, u mhux għal xi sostitut glamoruż (u allura idolatrija).

It-tielet tentazzjoni, meta x-Xitan innifsu jikkwota mill-Iskrittura, hija kruċjali forsi aktar mit-tnejn l-oħra: mhijiex ubbidjenza radikali dik l-ubbidjenza li ġġiegħlek tintelaq għal kollox f’idejn Alla, sal-punt ta’ qabża fil-għama? It-tweġiba ta’ Ġesù hi prova oħra tal-fidi awtentika: Ġesù mhux se jġarrab lil Alla għaliex Ġesù huwa dak il-qaddej fidil, dak l-iben ubbidjenti li jisma’ “bħal wieħed jitgħallem” (Isaija 50:4) u li meta “jimxi fid-dlam b’ebda dawl fih,” xorta waħda “jittama fil-Mulej, u jistrieħ fuq Alla tiegħu” (Isaija 50:10). Hekk biss jista’ jgħajjat minn fuq is-salib, fi kliem is-Salmista (31:6): “F’idejk jien nerħi ruħi.”

Meta l-ħażin ukoll hu mlibbes il-libsa tat-taparsi qdusija, hemm bżonn ta’ dixxerniment akbar. L-attitudni ta’ Ġesù tfakkarna fl-attitudni li għandu jkollna: qabel aħna seminaristi, djakni u saċerdoti, aħna wkoll ulied Alla: mhux il-wegħda tal-ordinazzjoni, imma s-sejħa tal-magħmudija; mhux li naħseb minflok Alla, imma li naħseb bħal Alla.

Ġesù, fil-fatt, bl-azzjonijiet u l-kliem tiegħu jfakkar lill-poplu Lhudi f’dak kollu li Alla għamel magħhom. Fil-bidu tar-Randan, għalhekk, il-Knisja tistedinna niftakru fil-mixja ta’ fidi tagħna u nirringrazzjaw lil Alla għaliha.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

  • Lil min se nobdi f’ħajti? Lil xi ħadd jew xi ħaġa se nobdi żgur, allura tajjeb li nistaqsu fejn hi qalbna, l-aktar meta dak li suppost hu f’sinkronija fil-fatt ma jkunx.

  • Jien naħseb minflok Alla jew bħal Alla? Alla hu tant maqtugħ mir-realtà tiegħi – jew tant nisforza l-protezzjoni tiegħu li aljenajt lili nnifsi minnu – li ħadtlu postu f’ħajti, jew jien ħieles biex ngħix fil-ħajja ta’ Alla?

  • Nara l-affarijiet tad-dinja mid-dawl ta’ Alla jew nara l-affarijiet ta’ Alla mill-għajnejn tad-dinja?

Nitolbu
Sinjur Alla, nitolbuk biex matul dan ir-Randan imqaddes nilqgħu dejjem aktar bil-qalb il-Kelma tiegħek, sabiex nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, u bl-għajnuna tiegħu ikollna sehem fil-ferħ tiegħu. Ammen.