Nieqaf u nħalli lil Alla jaħdem f’ħajti

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Lq 9:28b-36
F’ dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.
U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Ma kienx jaf x’inhu jgħid.
Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

I. Intimità mal-Missier

Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ‘l Ġakbu, u tela’ fuq il-muntanja biex jitlob. Aħna t-talb b’xi mod dejjem nieħduh bħala xi ħaġa li tiddependi minna. Fil-bidu hemm dan l-element, aħna niġu mgħallma kif nitolbu iżda fil-mixja tad-dixxipulat, Ġesu’ jurina, u ħafna drabi fil-mixja mal-oħrajn, li t-talb hija din ir-relazzjoni sħiħa ta’ iben maħbub mal-Missier. Hu jdaħħalna fl-għarfien tal-esperjenza nnifisha permezz tal-Ispirtu tiegħu ġewwa fina.

Ġesù deher jitħaddet ma’ Mose u Elija dwar dak li għadu ġej: il-passaġġ tal-mewt li ser jgħaddi minnu f’Ġerusalemm jiġifieri li Ġesù kien qed “jitħaddet” mal-Iskrittura, mal-Kelma t’Alla . Ġesù, bħala bniedem, kien isejjes ħajtu fuq il-Kelma biex jagħmel ir-rieda tal-Missier u li kien jaf li ser twasslu għall-mewt. Ġesu’ fil-mument ta’ intimità kbira ta’ talb, jerġa’ jiċċekkja l-boxxla, jiġifieri, qiegħed jitħabbeb mar-rieda ta’ Missieru.

II. It-trasformazzjoni fil-ħajja spiritwali

Fil-mumenti intimi ta’ talb, faċli li jiġrilna bħal Pietru nibdew ngħidu ħafna affarijiet biex nimlew is-silenzju u Pietru, mhux talli għamel hekk, iżda ried li jkollu kontroll hu. F’isem l-oħrajn, issuġġerixxa li dan il-mument jiġi mtawwal. “Kemm hu sew li aħna hawn!” din hi xibka li faċli naqgħu fiha: li meta jkollna esperjenza sabiħa fit-talb, nippruvaw intawluha kemm nistgħu jew nirrepetuha.

Il-qofol tat-talb jibqa’ l-ħidma t’Alla ġewwa fina li ġġib magħha trasformazzjoni. Hemm l-element ta’ misteru għax dak li hu traxxendenti hu lil hinn mis-sensi naturali tagħna. Issa jiddependi minna li nfittxu li barra li nisimgħu lil Ġesu’ fil-kelma tiegħu, filwaqt li nitolbuh il-grazzja li nitgħallmu wkoll, inżommu s-skiet speċjalment dak ġewwieni.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

  • Kemm jiena lest għall-intimità spiritwali anke meta nkun miġbur ma’ ħuti fil-komunità?

  • Infittex li nikber fl-attitudni ta’ smigħ mill-qalb tal-Kelma t’Alla?

  • Insibha diffiċli biex inżomm is-skiet waqt it-talb? X’valur nagħti lil dan l-element fil-ħajja tiegħi?

Nitolbu
Sinjur Alla, nitolbuk biex matul dan ir-Randan imqaddes nilqgħu dejjem aktar bil-qalb il-Kelma tiegħek, sabiex nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, u bl-għajnuna tiegħu ikollna sehem fil-ferħ tiegħu. Ammen.