“Sejjaħtilkom ħbieb” – Hekk jgħid Ġesu lid-dixxipli tiegħu fl-aħħar ċena. (Ġwanni 15:15)
F’dan il-mument intimu, Ġesu juri x-xewqa li bħalma għamel hu hekk ukoll għandhom jagħmlu d-dixxipli tiegħu, il-Knisja.
Fil-kitba tiegħu “Christus Vivit”, il-Papa jikteb li “imqar jekk il-ħbieb jistgħu jkunu differenti ħafna minn xulxin, dejjem hemm xi affarijiet komuni li jwassluhom biex iħossuhom qrib ta’ xulxin, hemm intimità li huma jaqsmu flimkien b’sinċerità u fiduċja.”
Meta nużaw it-terminu ”Knisja” m’għandniex nirreferu biss għalina li mmorru l-quddies nhar ta’ Ħadd. Aħna parti mill-poplu ta Alla, mhux il-poplu ta’ Alla. Il-Poplu ta’ Alla huwa magħmul minn dawk kollha li b’xi mod jew ieħor laqgħu l-istedina ta’ Ġesu fil-ħajja tagħhom.
Għalhekk, il-Knisja hija magħmula minn bosta persuni. Kulħadd bl-istorja tiegħu. Ibda minni u minnek! Kemm ikun isbaħ jekk dan il-pellegrinaġġ li għandna lejn is-Sema Pajjiżna, bħala komunità ta’ fidi jekk nagħmluh flimkien f’dan l-ispirtu ta’ ħbiberija li kellu f’moħħu Ġesu.
Il-ħbieb jidħku u jifirħu flimkien.
Il-ħbieb jifhmu lil xulxin.
Il-ħbieb jagħdru lil xulxin u jippruvaw isibu t-tajjeb anke fejn dan kważi ma jidhirx.
Il-ħbieb jifirħu flimkien.
Il-ħbieb jilqgħu lil ħaddieħor ukoll, u dan jagħmluh mingħajr ħafna mistoqsijiet, iżda b’qalb kbira.
Jagħmlu avventuri kbar flimkien li ħadd qatt ma ħolom bihom qabel.
Kemm tkun isbaħ il-Knisja hekk. Tkun Dar li fiha tirrenja iżjed is-sinċerità u l-fiduċja. U kemm ikun wisq isbaħ jekk b’dan l-ispirtu ta’ ħbiberija ma’ xulxin nwasslu aktar nies għall-ħbiberija perfetta ma’ Ġesu.