Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Ġw 20:19-31
Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.
Il-Kelma tal-Mulej
R./ Tifħir lilek, Kristu.
F’dan it-Tieni Ħadd tal-Għid, magħruf bħala l-Ħadd tal-Ħniena Divina, Ġesù jistedinna biex negħlbu l-biżgħat, id-dubji, id-dlam fil-ħajja tagħna u niskopru l-ħniena tiegħu li Hu biss jaf jagħtina. Hekk għamlu d-dixxipli li kienu bil-bibien magħluqin li ħasbu li ma hemmx futur għalihom. F’nofs dan il-baħħ u l-iżolament, Ġesù li qam mill-mewt, jidher u joqgħod f’nofs id-dixxipli u jagħtihom l-paċi tiegħu. Il-paċi li ma tagħmilx analiżi ta’ dak li ġara fil-passat imma tagħti l-ħajja u l-prosperità lid-dixxipli. Il-kelma Ebrajka għal paċi hija shalom li tfisser li l-bniedem hu sħiħ, integru u qed jgħix f’armonija ma’ Alla. Hekk ukoll, aħna l-Insara, nagħmlu bħal dawn id-dixxipli, kuldarba li noħorġu mid-dlamijiet ta’ ħajjitna biex bħala komunità ninġabru flimkien biex niċċelebraw l-Ewkaristija. Mument speċjali fejn Ġesù joqgħod f’nofsna, jagħmilna bnedmin sħaħ u fil-ħniena tiegħu jaħfrilna dnubietna. Il-maħfra tad-dnubiet, biex insiru bnedmin sħaħ, hija parti essenzjali mill-misteru tal-Għid u għandha l-għeruq tagħha fil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.
Din ukoll hija l-esperjenza li jgħaddi minna Tumas u li ngħaddu minna aħna lkoll. Billi Tumas ma kienx preżenti fl-ewwel dehra ta’ Kristu Rxoxt ma setax jagħmel l-esperjenza ta’ Ġesù ħaj. Għalhekk, nifhmu s-sens iktar tal-komunità li biha Ġesù jinqeda biex wieħed jara jdejh u ġenbu. Meta aħna nħossuna milqugħin fil-komunità, aħna nħossu l-preżenza ta’ Kristu li hu ħaj. Il-marki tal-imsiemer fuq idejn u ġenb Ġesù jsiru l-marki tal-imħabba ta’ Alla u tal-ħajja ġdida. B’hekk naslu biex bħal Tumas, fit-tfittxija tiegħu lejn il-Verità, aħna nistqarru l-ogħla espressjoni tal-fidi tagħna: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Jien ukoll inkun lest biex nirrikonċilja ruħi miegħi nnifsi, mal-komunità u fuq kollox ma’ Alla.
Din mhijiex fidi mibnija fuq kunċett jew loġika imma hija tfittxija lejn l-armonija, dak li hu sħiħ u profond fil-ħajja. Aħna msejħa biex naraw bl-għajnejn tal-fidi, jiġifieri, li nagħmlu din il-qabża fil-fidi tagħna li nagħrfu li Kristu jagħmilna bnedmin sħaħ u bħal Tumas, naslu biex nistqarru il-fidi tagħna fi Kristu.
Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek
- Aħna minn xiex qegħdin nibżgħu? X’qed itellifni biex nagħraf li Kristu jinsab miegħi?
- Id-doni ta’ Kristu Rxoxt huma s-sliem, l-Ispirtu li joħloqna mill-ġdid, il-maħfra tad-dnubiet. Naħseb fuq kull wieħed minn dawn id-doni: kif qed nilqagħhom? Kemm huma l-kawża tal-ferħ tiegħi?
- Kemm kapaċi nistenna ż-żjara ta’ Kristu Rxoxt billi nibqa’ f’atteġġjament ta’ tfittxija?
- Kemm qed inħares fil-profondità lejn il-ħajja? Qiegħed ngħix f’armonija?
Nitolbu
Mulej Ġesù, għinni nagħraf aħjar il-ħniena tiegħek u fuq kollox niskopri fil-profond il-fidi tiegħi biex bħal Tumas, nasal biex nistqarr: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Ammen.