Knisja?

Mingħajr ma kont konxju mill-ħassieb wara din il-kwotazzjoni, għaraft li f’sentenza ingħatat realtà tal-Knisja b’viżjoni għall-ġejjieni.

Wherever we see the Word of God purely preached and heard, there a church of God exists, even if it swarms with many faults.

Din il-frażi minn Kalvinu, tagħtini viżjoni ta’ x’inhi Knisja u b’liema mod Alla qed isejjaħli biex nimxi f’dan il-proċess tas-Sinodu li l-Knisja qed issejħilna nagħmlu flimkien.

Huwa faċli li niffukaw fuq l-aħħar biċċa tal-kwotazzjoni “[even if] it swarms with many faults” u nħalluha tiskuraġġina. Fl-aħħar mill-aħħar il-Knisja hija magħmula minn nies tad-demm u l-laħam u allura, aħna. B’dak li ngħidu, nagħmlu, nesprimu b’xi forma jew oħra kif ukoll bl-ispirtu li nġorru magħna sew jekk pożittiv u kemm jekk negattiv, nistgħu nedifikaw iżda wkoll nitrażmettu toqol.

Kif tgħid il-kwotazzjoni nfsiha, “kull fejn naraw il-Kelma ta’ Alla proklamata u mismugħa b’mod mill-iktar pur, hemmhekk hemm Knisja!” U din hija l-viżjoni li lili tispirani tant: mhix viżjoni ta’ Knisja bl-eluf, iżda Knisja b’numri żgħar, komunitajiet ta’ mgħammdin – fuq kollox kif il-Knisja rat il-bidu tagħha. Individwi. Iżda anke jekk huma ftit, dan huwa iktar minn biżżejjed. Ġesù stess jgħid dan f’Mattew 18:20: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Mhux in-numru li lili jispirani tant jew iċaqlaqni mill-ġewwieni tiegħi iżda l-esperjenza ta’ Alla fil-ħajja tal-individwu – fl-istorja: in fondo in fondo.
Il-ħsus, l-esperjenzi, it-tiġrib. Dawk l-episodji li jafuhom biss il-bniedem u Alla. Anke jekk l-esperjenza ta’ Alla hi nitfa ħdejn oħrajn li nisimgħu.

Il-Missier li jdaħħal sebgħu fil-feriti tiegħi.
Idewwi l-ġerħat li jdgħajfuni.
Il-Missier li jagħmel triq mill-art imħarbta tiegħi.
Li jwitti t-telgħat u l-muntanji li nibni.

Din hi t-testimonjanza ta’ Alla fil-ħajja tiegħi,

tiegħek. Irrelevanti mill-kobor tal-esperjenza.

Kemm jekk storja tal-għaġeb, u kemm jekk bħal

qatra f’oċean.

L-intimità ma’ Ġesù.
Irrelevanti x’aħna, min aħna.
Ugwali. Ħadd inqas. Ħadd ogħla.

Aħna biss messaġġiera, li kontinwament qed nibagħtu messaġġ – ħafna drabi qas inkunu konxji x’messaġġ qed noffru. U allura dak kollu li nagħmlu jkun kif nitolbu fil-Liturġija tal-Ewkaristija:
bi Kristu

ma’ Kristu

fi Kristu

bih

miegħu

fih.