Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Lq 19: 28-40
F’dak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: “Għalfejn qegħdin tħolluh?”, għidulu hekk: “Il-Mulej għandu bżonnu”.
Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?”. U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu”.
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”.
Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, u bdew jgħidu:
“Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej! Sliem fis-sema, u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”
Xi wħud mill-fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”.
i. Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn
Miexi quddiem ma jaħrabx mir-realtà, jieħu r-riskju, jagħmel l-ewwel pass, lejn il-belt tal-paċi li toqtol il-profeti lejn it-tempju fejn spiċċaw jaduraw il-flus,, miexi lejn mewt ċerta bħala l-mexxej li jibdel ir-rotta tal-istorja.
ii. meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ ...
Attent għad-dettall! Jaf bir-riskju li nużaw l-isem tiegħu, il-qawwa tiegħu, biex nimtlew bina nfusna, biex inkissru lil oħrajn. Jipprepara sal-inqas dettall.Fil-post minn fejn wara l-qawmien ser iberikhom minn fejn lejn is-sema, jagħmel għażliet li jdaħħlu d-dixxiplu fl-istil tiegħu: jibgħat lilhom iġibu l-felu inissel memorja qawwija fihom fuq ħmar jarawh dieħel lill-Mulej, is-Sultan tal-glorja. Id-dixxiplu li jġorr din il-memorja qatt m’hu ser juża’ isem Alla għal xi tip ta’ vjolenza jew prepotenza fuq l-oħrajn.
iii. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ …
Impressjonanti! Xħin jarawh NIEŻEL il-poplu jinfexx f’tifħir mimli ferħ. Huwa u nieżel li nisimgħu l-eku ta’ leħen l-anġli “Glorja ‘l Alla u paċi fl-art”.
Għax Alla niżel u sar bniedem
Għax Alla niżel fuq is-salib u f’qiegħ l-art
Id-dixxipli setgħu jerġgħu lura b’FERĦ lejn Ġerusalemm (ara Lq 24,52)
Jimxu b’ferħ u kuraġġ lejn id-dinja kollha
L-aktar vjaġġ traġiku
Ġesù jibdlu f’passaġġ ta’ ferħ, tama, kuraġġ
għax Alla għażel li jinżel u jħobb.
Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek
Fejn jenħtieġ li tagħmel l-ewwel pass?
X’jolqtok mill-istil ta’ Alla?
Din il-perspettiva kif tgħinek tgħix il-Ġimgħa Mqaddsa?
Nitolbu
Sinjur Alla, nitolbuk biex matul din il-Ġimgħa Mqaddsa nilqgħu dejjem aktar bil-qalb il-Kelma tiegħek, sabiex nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, u bl-għajnuna tiegħu ikollna sehem fil-ferħ tiegħu. Ammen.