Il-manifestazzjoni tal-glorja ta’ Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Ġw 13, 31-33a.34-35

Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

F’din is-silta, San Ġwann jerġa’ jeħodna lura għall-Aħħar Ċena li kellu mad-dixxipli tiegħu fejn Ġesù juri l-imħabba tiegħu lid-dixxipli: billi jinża l-mantar u jilbes il-fardal u jaħsel saqajn id-dixxipli. Naraw b’mod ċar li hawnhekk is-Sid isir il-qaddej fejn il-qadi huwa mmexxi mill-Imħabba li mhux aktar sinjal ta’ sottomissjoni. L-Iben ta’ Alla jiġi msallab fuq is-salib għaliex permezz tas-salib irritorna fil-glorja li kellu sa minn dejjem. Tajjeb illi nħarsu kif fil-ħajja tagħna, aħna qegħdin naraw il-glorja ta’ Alla u kif aħna stess qed nagħtu glorja lil Alla. Il-glorja ta’ Alla tista’ tidher f’ħafna modi differenti permezz tal-ġmiel tan-natura ta’ madwarna, permezz tal-imħabba li aħna nirċievu mill-familja u minn dawk li l-aktar iħobbuna, permezz tan-nies li qed jgħixu t-tbatija tagħhom f’serenità għaliex jafu li qed jagħmlu r-rieda ta’ Alla. Aħna wkoll nistgħu nagħtu glorja lil Alla f’dak kollu li aħna nagħmlu f’ħajjitna, billi nisimgħu Alla xi jrid minna u b’hekk kull ħaġa li aħna naraw u nagħmlu tkun ġejja mill-imħabba ta’ Alla, tkun qed tidher il-glorja ta’ Alla u mhux tiegħi. B’hekk il-ħidma, ir-rutina ta’ kuljum, il-ferħ u t-tbatijiet tagħna jkunu sinjal ta’ manifestazzjoni tal-glorja ta’ Alla f’ħajjitna.

Dan ifisser li l-Imħabba għandha tkun ċentrali f’ħajjitna. Ġesù stess jgħidilna : “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”. L-Imħabba li aħna għandna nagħtu trid tkun imkejla fuq dik ta’ Ġesù u mhux aktar fuqi nnifsi. Din hi l-Imħabba totali, li Ġesù jrid jgħaddi lid-dixxipli tiegħu. Ma nista’ qatt nasal biex inħobb bħal Kristu jekk jien għadni ma għamiltx esperjenza vera tal-Imħabba tiegħu! Bħala Nsara, nistgħu nesperjenzaw din l-Imħabba propju permezz tas-Sagrament tal-Qrar fejn Alla jaf jistenna, jagħder, iħenn, jifhem, u fuq kollox jgħannaqna miegħu. Tajjeb li aħna lkoll niftakru f’dawk il-persuni li laqqgħuna mal-imħabba ta’ Alla, bħal familja, għalliema, katekisti, il-komunità. Hija din l-Imħabba ta’ Alla li kapaċi twassalni nħobb lil oħrajn bla limitu, fejn dak li nagħmel, dak illi ngħid, jsir kollu b’imħabba għal akbar glorja ta’ Alla. B’hekk b’din l-identità ġdida, nħalli impatt sabiħ fuq l-oħrajn.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

Kif qed nigglorfika lil Alla f’ħajti? Qiegħed ngħix ir-rieda li Alla qed isejjaħli għaliha?

Kif se nħobb lil proxxmu tiegħi? B’liema mod? Min għandu bżonn l-imħabba ta’ Alla f’dan il-punt fil-ħajja tiegħi?

X’qed nagħmel biex inħobb lil għedewwa tiegħi?

X’kontribut qed nagħti fil-komunità li jħalli l-frott tal-imħabba?

Nitolbu
Mulej Ġesù, għinna biex nagħtu xhieda tal-Imħabba tiegħek f’ħajjitna. Ammen.