Il-mixja tad-dixxiplu

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Ġw 10:27-30
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Għar-Raba’ Ħadd tal-Għid, il-Knisja dejjem tippreżentalna lil Kristu Rxoxt bħala r-Ragħaj it-Tajjeb. Ir-Ragħaj it-Tajjeb dejjem nassoċjawħ mas-Salm 23, li jeħodna fejn hemm l-ikel, l-ilma, u ma jħalliniex waħidna. iżda r-Ragħaj huwa l-ewwelnett ħaruf li jingħata għas-salvazzjoni għall-kotra kif naqraw fit-tieni lezzjoni mill-ktieb tal-Apokalissi.


Hemm tlett karatteristiċi tan-nagħaġ li jistgħu jgħinuna nidħlu aktar fil-profond tal-mixja tad-dixxiplu:

  1. In-nagħaġ huma annimali tal-merħla. Nagħġa li tinqata’ minn mal-merħla tgħaddi minn persekuzzjoni u tista’ saħansitra tmut. Il-qalb li tingħalaq għax tibża’ mill-vulnerabbiltà tagħha stess, jista’ jiġrilha l-istess ħaġa. Fl-istess ħin, hemm qawwa kbira fil-fidi ta’ komunità li temmen u li tinġabar biex tisma’ l-Kelma u li taf tiċċelebra flimkien.
  2. In-nagħaġ jagħrfu lil xulxin. Dan l-għarfien diġà jtihulna Ġesù nnifsu li jaċċertana li Hu jagħrafna, kif għamel Kristu Rxoxt mad-dixxipli wara li qam mill-mewt. Ħadd ma għarfu iżda Hu għarafhom u reġa’ stedinhom għall-ħajja ġdida. Dan qed jagħmlu miegħi ukoll.
  3. Il-merħla ma tisparpaljax għax timxi wara Ragħaj Wieħed. Fil-vokazzjoni tagħna bħala Nsara, in-nagħaġ ukoll dejjem jibqgħu tiegħu għalhekk hu importanti li nibqgħu dejjem f’attitudni ta’ smigħ biex nimxu lkoll warajh. Minkejja li aħna xi kultant inħossuna mitlufin minħabba xi ċirkustanzi fil-ħajja tagħna, Ġesù jaċċertana li mill-perspettiva tiegħu ta’ Kristu Rxoxt, li rebaħ fuq il-mewt, ħadd minna mhu mitluf u lanqas niġu maħtufa. Il-fatt li Hu u l-Missier huma ħaġa waħda, jagħtina wkoll din iċ-ċertezza li Hu qatt ma jħallina waħidna.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

Jien nemmen fil-qawwa tal-fidi ta’ komunita’ li temmen?

Kristu Rxoxt jagħrafni llum. Jien nagħrfu? Kif?

X’nifhem bil-ħajja ta’ dejjem? Naraha bħala xi ħaġa remota? jew diġa għandi ħjiel tagħha mill-esperjenza ta’ ħajti?

Nitolbu
Mulej Ġesù, tini qalb miftuħa u attenta biex inkompli nisimgħek u nimxi warajk. Ammen.