Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Ġw 14:23-29
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.
Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Is-sitt Ħadd tal-Għid jerġa jeħodna lura fiċ-ċenaklu. Dak id-diskors twil li jagħmel Ġesù awl il-lejl tal-passjoni tiegħu. Ġesù jagħmel dan id-diskors f’atmosfera ta’ intimità u ta’ mħabba kbira. F’dan il-Vanġelu Ġesù jrid jagħtina kelmtu, jrid isemmgħalna leħnu. Il-kelma tal-Mulej aħna nistgħu biss nġorruha fina f’kuntest ta’ relazzjoni intima. Smajna fil-Ħdud ta’ qabel: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni.” Il-leħen jinstema’ f’kuntest ta’ relazzjoni bejn ir-ragħaj u n-nagħaġ. Allura aħna nisimgħu leħen il-Mulej f’kuntest ta’ relazzjoni miegħu. Meta l-kelma ta’ Alla ma ngħixuhix u ma nilqgħuhix f’relazzjoni ta’ mħabba ma’ Ġesù, il-kelma ta’ Alla ssir piż, il-kelma ta’ Alla ssir dwejjaq. Il-problema mhix kemm il-kelma hija tqila jew ħafifa, l-problema tinsab fir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, jekk aħna għandnix verament relazzjoni intima, relazzjoni ta’ mħabba miegħu.
Hekk kif qegħdin intemmu żmien il-Għid, il-liturġija tfakkarna li Ġesù jibqa’ magħna permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jgħallimna dak kollu li għandna bżonn inkunu nafu, ifakkarna f’dak kollu li għallimna Ġesù, u jimliena bil-paċi. Ejjew nilqgħu b’qalb kbira din iċ-ċentralità tal-kelma ta’ Alla, illi narawha marbuta ma’ żewġ affarijiet f’dan il-Vanġelu: l-ewwel ħaġa marbuta mal-imħabba lejn il-Mulej Ġesù – “min iħobbni jħares kelmti” – u t-tieni ħaġa l-Kelma li hija marbuta mal-Ispirtu s-Santu li jfakkarha lilna, li jagħmilha sseħħ fina.
Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek
Kif qiegħed nisma’ leħen il-Mulej fir-rutina ta’ kuljum?
X’qiegħed nagħmel biex nieħu ħsieb ir-relazzjoni tiegħi ma’ Ġesù?
Xi jfisser għalija li Ġesù jinsab preżenti permezz tal-Ispirtu s-Santu?
Nitolbu
Mulej Ġesù, għinna biex nagħtu xhieda tal-Imħabba tiegħek f’ħajjitna. Ammen.