Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Ġw 21:19-31
F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”. Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.
Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu”. Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”. Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
“Din kienet diġà t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.” Skont San Ġwann, Ġesù jidher tliet darbiet u dejjem jidher meta d-dixxipli jkunu miġburin f’komunità. Ma jidhirx lil individwi iżda meta numru mid-dixxipli tiegħu jkunu miġburin flimkien. Aħna ukoll ħafna drabi naraw il-qawwa ta’ Kristu rebbieħ fil-komunità tagħna – fil-persuna li bħal Pietru ċaħdet lil Ġesù, fil-persuna li bħal Tumas tiddubita, f’dik il-persuna li bħad-dixxipli mal-ewwel inkwiet jitilqu lil Ġesù. F’dawn ir-realtajiet kollha aħna msejħin naraw lil Ġesù. Madankollu dawn ir-realtajiet ta’ ċaħda, ipokrezija u biża’ nsibuhom ukoll fina nfusna u f’dawn ir-realtajiet tagħna aħna wkoll msejħin niskopru l-qawwa ta’ Kristu rebbieħ.
Ġwanni huwa dak li jagħraf lil Ġesù. Kollha rawh lil Ġesù imma huwa d-dixxplu li kien iħobb Ġesù li għarrfu. Kulħadd jista’ jara imma min jara mill-għajnejn tal-imħabba ikun qed jara iktar milli jara ħaddieħor. Iktar ma nagħrfu li aħna maħbuba minn Alla, aktar narawH u nagħrfuH.
Il-kmand li Ġesù jagħti lil Pietru huwa: “Ejja warajja”. Din mhix is-sejħa ta’ Pietru biss iżda hija s-sejħa ta’ kull Nisrani u li nimxu wara Kristu jfisser li bħalu nagħmel ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tiegħi, f’kull ċirkostanza tal-ħajja tiegħi. Dan hu l-mod kif jien nirrispondi l-istess domanda li Ġesù għamel lil Pietru, “Tħobbni?”
Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek
- Kif qed ninduna b’Ġesù fil-ħajja tiegħi?
- Kemm qiegħed nieħu bis-serjetà l-vokazzjoni tiegħi ta’ Nisrani?
- Kif qed nirrispondi għas-sejħa li Ġesù jagħmel f’ħajti?
Nitolbu
Mulej Ġesù, għinni nagħraf aħjar il-ħniena tiegħek u fuq kollox niskopri s-sejħa tiegħek f’ħajti. Ammen.