Is-Smigħ tal-Kelma u d-Djalogu huma parti mill-ħajja tal-Knisja

Il-Poplu ta’ Alla għandu sehem importanti fil-ħajja tal-lum għax kull bniedem, skont il-kariżma tiegħu, għandu x’joffri fil-Knisja. Din hija Knisja ‘ħajja’ fejn kulħadd huwa msejjaħ ikun dixxipli ta’ Kristu biex jimxi warajH skont is-sejħa tiegħu. Il-pedament ta’ kull Nisrani għandu jkun Kristu li jġeddidna ta’ kuljum biex permezz tal-Ispirtu s-Santu jkollna t-tama li nġibu ‘l quddiem l-għaqda.

Dan it-tiġdid iseħħ biss permezz tas-smigħ tal-Kelma li biha nagħrfu kif għandna nkunu xhieda awtentiċi, jiġifieri, li dak li nisimgħu permezz tal-Kelma u dak illi naqsmu flimkien bħal aħwa fuq il-mejda tal-Ewkaristija, nistgħu ngħixuh bħal aħwa kull fejn inkunu.  Għalhekk, Kristu jmexxina biex niddjalogaw flimkien u b’hekk nakkumpanjaw lil xulxin f’kull post fejn inkunu: fuq il-post tax-xogħol, fil-familja, fi gruppi ta’ ħbieb,  f’komunitajiet differenti kif ukoll f’kull ambjent jew sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha.

Iż-żelu tal-ħidma ta’ kull Nisrani jista’ jħeġġeġ lil dawk li għadhom fil-bidu tal-vjaġġ tal-fidi tagħhom. Għalhekk, din il-komunjoni msejsa fuq s-smigħ tal-Kelma u d-djalogu ma tinħassx biss fil-Knisja imma tibqa’ magħna kull fejn inkunu anke f’ postijiet ta’ kulturi differenti fejn irridu nagħtu xhieda tal-Imħabba li Kristu għandu għalina biex b’hekk inlaqqgħu lil bniedem ma’ Kristu u flimkien nagħrfu li Kristu jinsab magħna.