“Jiena Hu” – Alla l-Missier lil Mosè fil-Ktieb tal-Eżodu
Għażilt din il-frażi għax nara li permezz tagħha, il-Knisja tista’ tkun iktar ta’ dawl u ispirazzjoni fil-ħajja ta’ kull bniedem, kemm għal dak li jwassal il-messaġġ tal-Vanġelu kif ukoll għal dak li jirċevih.
Meta Mosè saqsa lill-Mulej x’kien ser jgħid lill-Fargħun meta jidher quddiemu, Hu wieġbu “JIENA HU bagħtni għandkom”. Din il-frażi tixħet dawl fuq kull wieħed u waħda minnha, li bħala mgħammdin, għandna wkoll din l-istess sejħa, dik li aħna lkoll mibgħutin minn Alla l-Missier innifsu biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn, kulħadd skont is-sejħa partikolari tiegħu. Din hija sejħa li ma saritx darba u daqshekk, imma hija kontinwa, u għalhekk hemm il-bżonn li wieħed jibqa’ jwieġeb għaliha kuljum, skont il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi preżenti.
“Jiena Hu” – Ġesù fl-Evanġelju skont San Ġwann.
Ukoll, f’diversi okkażjonijiet fl-Evanġelju skont San Ġwann, insibu lil Ġesù jirreferi għalih innifsu bħala “Jiena Hu”, fosthom bħala l-ħobż ħaj, id-dielja vera, il-qawmien u l-ħajja, u r-ragħaj it-tajjeb, fost oħrajn. Huwa permezz ta’ dawn l-attributi li Ġesù juża li mhux biss għandhom jimlewna bit-tama f’dawk il-mumenti ta’ sfida li tgħaddi minnhom il-Knisja, imma wkoll biex nagħrfu aħjar li l-frott tal-ħidma u tal-impenn tagħna fi ħdan il-Knisja fl-aħħar mill-aħħar tiddependi totalment minn Ġesù nnifsu, li tiegħu hi l-istess Knisja.