Nixtieq li nara Knisja li tieħu ħsieb aktar tagħha nnifisha, minn kull aspett, imma b’mod speċjali fl-aspett uman tas-saċerdoti u l-lajċi. Knisja li jkollha sistema professjonali li tkun dejjem lesta biex tikkura u, idealment, tevita l-weġgħat li sfortunatament kultant nisimgħu bihom.
Fejn min hu fuq jieħu ħsieb lil min hu taħtu,
u anke bil-maqlub,
u min hu fl-istess livell jieħdu ħsieb xulxin ukoll, mingħajr biża’ u diffikultà.
Biex il-Knisja bħala istituzzjoni tkun ta’ eżempju ċar u qaddis lid-dinja kollha, l-aħwa fi Kristu, anke jekk hemm distinzjoni ġerarkika, iridu jieħdu ħsieb xulxin mhux biss b’imħabba, imma wkoll bl-għodda kollha tajbin li tipprovdi u tuża s-soċjetà. Dan kollu sostnut fit-talb u fl-imħabba t’Alla, li jwassal għall-Knisja li tħalli ħafna frott bl-eżempju tagħha, kif kienet il-ħajja tal-ewwel dixxipli flimkien mal-Appostli (Atti 2:44-47).