Ħafna jista’ jingħad rigward il-ħajja tal-bniedem minn filosfi u teologi, imma ħaġa li tibqa’ u hija verità hi li aħna lkoll ġejna maħluqa biex inħobbu u niġu maħbuba. Dan nistgħu nixhdu għalih personalment għaliex żgur f’mument jew ieħor ta’ ħajjitna ħassejna l-bżonn tal-imħabba, sew dik familjari, sew ta’ ħbiberija u fuq kollox dik ta’ Alla l-Imbierek.
F’dan il-proċess tas-Sinodu fuq is-Sinodalità naraw li ħaġa fundamentali u li verament tgħaqqadna ħaġa waħda u tagħmilna Knisja li nkunu flimkien hija l-Imħabba, u l-Imħabba fil-konkret mhux fid-diskors. Madre Tereża fis-sempliċi tagħha uriet lid-dinja x’inhi l-vera mħabba mingħajr kumplikazzjonijiet żejda. Urietna li huwa f’li tingħata u li tħobb mingħajr kundizzjoni tgħix il-vera mħabba u verament inkunu qed inħobbu u niġu maħbuba. Forsi hija mħabba li tidher sempliċi, biss hija l-aktar waħda diffiċli imma sabiħa.
Aħna wkoll imsejħa biex f’dan is-Sinodu u anki f’kull mument ieħor tal-ħajja tagħna nuru li aħna Nsara minn għemilna u mhux minn ħsibijietna u kliemna biss, għax kif jgħidilna San Ġwann Appostlu fl-ewwel ittra tiegħu, “Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:7-8)